Ħamrun Spartans huma ċ-Champions il-ġodda tal-futbol Malti, dan wara li huma għelbu lil Gżira United b’gowl uniku skurjat lejn l-aħħar parti tal-partita minn Luke Montebello. Draw kien ikun biżżejjed għall-Ispartans biex jirbħu l-kampjonat iżda huma xorta kisbu rebħa oħra biex aċċertaw mir-rebħ tad-disa kampjonat fl-istorja tagħhom. Il-logħba dehret li kienet ser tispiċċa fi draw qabel ma’ wasal il-gowl ta’ Montebello. Gowl li bih tefa’ lill-partitarji tat-tim tiegħu f’ċelebrazzjonijiet kbar li bdew mill-Istadium Nazzjonali u komplew fi Strada Rjali l-Ħamrun sa’ tard filgħaxija. Għall-Maroons din kienet it-tieni telfa konsekuttiva fejn minkejja li żammew it-tieni post jinsabu f’taqtiegħa ħarxa sabiex jakkwistaw post fl-Ewropa flimkien ma’ Birkirkara, Hibernians u Balzan. Forsi punt pożittiv ieħor għal Gżira huwa li bħalma huma Birkirkara għadhom biċ-ċans li jirbħu l-FA Trophy.
Valletta u Balzan spiċċaw fi draw ta’ mingħajr gowls f’logħba li ż-żewġ timijiet ippruvaw li jiksbu l-punti massimi wara li kienu ġejjin minn rebħiet kontra Gżira United u Floriana rispettivament. B’hekk ikompli l-mument pożittiv ta’ Balzan li issa ilhom għaxar logħbiet mingħajr telfa fejn jinsabu jokkupaw ir-raba’ post tal-klassifika. It-tim immexxi minn Oliver Spiteri kien l-aħjar tul id-disgħin minuta fejn kellu l-aktar mill-pussess iżda sabu lid-difiża Beltija soda. Fil-fatt din kienet it-tieni darba minn l-aħħar tlett logħbiet li Valletta ma’ sofrewx gowl fejn qed jidher biċ-ċar li Thane Micallef qed jaħdem ħafna fuq is-saħħa difensiva. Balzan żgur li ħassew ħafna n-nuqqas ta’ Angel Torres li huwa l-aqwa skorer tagħhom fejn dan kien qed jiskonta sospenzjoni.

Rebħa sorprendenti iżda mistħoqqa għal Marsaxlokk li għelbu lil Hibernians bl-iskor ta’ 3-1. Tlett punti li prattikament issiġillaw post ix-Xlukkajri fil-Kampjonat Premier għall-istaġun li jmiss. Huma kienu dominanti b’mod partikolari fl-ewwel taqsima fejn skurjaw darbtejn mingħajr risposta permezz tal-ex player tal-Pawlisti Ayrton Attard. Dan kien it-tieni suċċess għal Marsaxlokk fuq Hibernians fi spazju ta’ ftit ġranet dan wara li ħmistax il-ġurnata ilu huma eliminawhom mill-FA Trophy. Mill-banda l-oħra diżappunt minn Hibernians li wara serje ta; riżultati pożittivi mindu ħa t-tmexxija tat-tim f’idejh Silvio Vella, waslet din it-telfa xejn mistennija. Minkejja dan huma xorta għadhom biċ-ċans li jikkwalifikaw għall-Ewropa iżda apparti li ma’ jfallux iridu jiddependu wkoll minn riżultati ta’ timijiet oħra.

Pietà Hotspurs kisbu t-tieni rebħa tal-istaġun dan wara li huma għelbu lil Gudja United bl-iskor ta’ 3-1. Il-Hotspurs kellhom bidu tal-ħolm għal din il-partita dan hekk kif huma sabu x-xibka fl-ewwel minuta minn penalty skurjat minn Hovhannisyan wara foul fuq Kian Leonardi. Iżda Gudja rrispondew mill-ewwel fejn kisbu l-gowl tad-draw fl-erbatax il-minuta. Hawn kienu Gudja li bdew jinsistu fuq l-offensiva iżda meta beda jidher li Pieta kienu ser iċedu wasal il-gowl tal-vantaġġ tagħhom li bidel kompletament il-partita qabel ma’ ssiġillaw ir-rebħa ħames minuti mit-tmiem. Din ir-rebħa possibilment tista tkun li waslet tard wisq iżda xorta waħda l-Hotspurs għad għandhom ftit tamiet li jistgħu tal-anqas jevitaw ir-relegazzjoni awtomatika.

Sirens pass aktar viċin lejn is-salvazzjoni dan wara li huma ġew minn gowl minn taħt sabiex għelbu lil Santa Lucia bl-iskor ta’ 2-1, b’doppjetta ta’ Kei Sano. Kienet wirja tajba mit-tim minn San Pawl il-Baħar fejn il-kompitu ma’ kienx wieħed faċli. Fil-fatt apparti li s-Saints fetħu l-iskor, kellhom ukoll il-mumenti tagħhom fejn resqu viċin għal diversi drabi iżda sabu lill-gowlkeeper avversarju Andrea Cassar attent. Biex finalment wasal il-gowl li ddeċieda l-partita u li ressaq lil Sirens aktar viċin li staġun ieħor jerġgħu jkunu fil-Kampjonat Premier. Għal Santa Lucia din it-telfa kienet daqqa ta’ ħarta oħra fit-tentattiv li huma jsalvaw posthom fejn huma baqgħu fil-post ta’ qabel tal-aħħar tlett punti taħt Żebbuġ u tlieta fuq Pieta li resqu aktar viċin tagħhom wara li fi tmiem il-ġimgħa għelbu lil Gudja United.

Birkirkara fallew iċ-ċans li jitilgħu waħidhom fit-tieni post tal-klassifika dan wara li huma sfaw miżmuma fi draw ta’ 1-1 minn Mosta. Kienet logħba bilanċjata bejn żewġ timijiet li riedu l-punti biex ikomplu jisfidaw għall-post fl-Ewropa. Għal din il-partita l-Istripes kellhom in-nuqqas ta’ Paul Mbong bil-kowċ tagħhom Tedesco iwettaq ukoll numru ta’ bidliet mill-aħħar partita tagħhom. Mosta wkoll għamlu tlett bidliet fejn il-kowċ Joe Grech beda b’Ekani, Akrong u Brincat flok Chibueze, Kingue u Okoh. Riżultat li prattikament ma’ kkuntenta lil ħadd biex filwaqt li ċ-ċansijiet ta’ Mosta jibqgħu rimoti għal Birkirkara jidher li ser tkun taqtiegħa sal-aħħar sabiex jakkwistax post fl-Ewropa.

Finalment waslet rebħa għal Floriana wara tmien logħbiet hekk kif il-Greens b’gowl skurjat minn Lorenzo Trillo fis-86 minuta tal-partita kontra Żebbuġ Rangers, kisbu tlett punti biex laħqu lir-rivali Valletta bi tletin punt. Rebħa li ftit li xejn ser tibdel l-istruttura tal-klassifika, bi Floriana tim li kellu jikkuntenta b’posizzjoni f’nofs il-klassifika. Pero għal Żebbuġ Rangers din kienet daqqa l-isfel peress li huma jridu li tal-anqas iżommu mat-tnax-il post fil-klassifika, dan biex jevitaw ir-relegazzjoni awtomatika. Il-gowl li ddeċieda l-partita wasal minn Lorenzo Trillo wara numru ta’ ċansijiet mitlufa b’mod partikolari minn Żebbuġ Rangers.

INNUTAJNA
LI l-kowċ il-ġdid tat-tim nazzjonali Malti sejjaħ l-iskwadra ta’ players għall-partiti kontra l-Maċedonja ta’ Fuq u l-Italja. Luke Tabone ta’ Gżira United ġie msejjaħ għall-ewwel darba filwaqt li rritornaw ukoll Zach Muscat u Yanick Yankam.
LI Naxxar Lions kisbu l-promozzjoni għall-Kampjonat Premier dan wara li huma għelbu lil Żejtun Corinthians bl-iskor ta’ 2-1. Ta’ min jgħid li flimkien ma’ Naxxar Lions ser ikun hemm fil-Kampjonat Premier Sliema Wanderers li diġa kienu kisbu l-promozzjoni. Jonqos biss li jkun magħruf it-tielet tim klassifikat li jrid jilgħab fi play off kontra t-tnax il-tim mill-Kampjonat Premier. Awguri Naxxar.
LI tim ieħor promoss pero din id-darba mill-Amateur League għaċ-Challenge League huwa dak ta’ Msida SJ dan wara li kisbu l-punti li kellhom bżonn f’rebħa kbira bl-iskor ta’ 12-0 kontra Mdina Knights. L-eroj tagħhom kien il-veteran Jean Pierre Mifsud Triganza li skorja nofs il-gowls. Awguri Msida.
//= $special ?>