Il-Partit Nazzjonalista jinsisti fuq il-ħtieġa ta’ liġi ċara kontra l-fastidji sesswali biex il-ħaddiem u min iħaddem ikunu jafu x’għandhom jagħmlu f’każi simili.
Dan kien il-messaġġ li ħareġ minn konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kelliem għax-Xogħol u s-Settur Marittimu Ivan Castillo, il-Kelliem għall-Gvern Lokali u l-Amministrazzjoni Pubblika Darren Carabott u l-Kelliem għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet tat-Tfal Graziella Attard Previ.
Il-kelliema qalu li b’din il-Liġi, il-Partit Nazzjonalista qed iħeġġeġ lil min iħaddem biex jiġġieled id-diskriminazzjoni u jaħdem favur l-ugwaljanza. Barra minhekk, il-Partit Nazzjonalista qed jispjega l-għan ewlieni, x’inhu fastidju sesswali u x’riperkussjonijiet għandhom jiffaċċjaw dawk li jabbużaw.
Huma spjegaw li 80% tal-ħaddiema għaddew minn fastidju sesswali, bi tlieta minn kull erbgħa minnhom kienu nisa. Kien b’dan il-ħsieb li huma ppreżentaw il-Private Members Bill propju fit-8 ta’ Marzu. Madankollu, 90% qalu li ma jafux kif għandhom jaġixxu, filwaqt li 92% ma jafux kif għandhom jirrappurtaw.
Fastidju sesswali joħloq problemi mentali u fil-familji, kif ukoll biża’ fost il-vittmi, li saħansitra jafu anke jkollhom ibiddlu x-xogħol. Hi ħasra li xi rġiel iħossu li għandhom aktar awtorità fuq il-mara, li min-naħa tagħha tħossha sottomessa.
Għaldaqstant, tennew l-appell biex il-vittmi ma jibżgħux aktar jirrapportaw. Min-naħa l-oħra, min iħaddem għandu jagħraf li hi responsabbiltà taghhom li jaraw li dawn il-każi ma jkomplux iseħħu, ladarba dawn jaffettwaw ukoll lill-post tax-xogħol innifsu.
Quddiem dan kollu, il-Partit Nazzjonalista jinsisti fuq il-ħtieġa ta’ kampanja nazzjonali ta’ kuxjenza, fosthom b’posters li se jkunu qed jitqassmu fil-postijiet tax-xogħol.
Il-kelliema appellaw lill-Gvern biex jingħaqad mal-Partit Nazzjonalista u jassigura d-drittijiet tal-ħaddiema u anke ta’ min iħaddem. Il-fastidju sesswali jibqa’ reat u għalhekk, il-Partit Nazzjonalista jrid jara li jkun ta’ spalla għall-vittmi, filwaqt li jipprevjedi li abbużi bħal dawn ikomplu jseħħu.
//= $special ?>