Wara l-istorja ppubblikata lbieraħ minn The Sunday Times, il-Kummissarju tal-Films Johann Grech irid jirrispondi għaliex qed jabbuża mill-kariga pubblika tiegħu biex jagħti krettu lilu nnifsu, li b’xi mod kien involut fil-produzzjoni ta’ 64 film.
Hekk qalet fi stqarrija il-kelliema tal-PN Julie Zahra.
Il-Partit Nazzjonalista tkellem kemm-il darba dwar it-tmexxija abbużiva ta’ Johann Grech u dan il-każ hu ieħor ċar fejn persuna appuntata mill-Gvern biex twettaq obbligu pubbliku f’entità nazzjonali tuża’ l-kariga tagħha għall-interess personali tagħha stess kontra kull etika li jitolbu d-dmirijiet u l-obbligi tiegħu.
Johann Grech hu eżempju ieħor ta’ persuna appuntata f’kariga għax hu viċin tal-Partit Laburista u li, b’sens ta’ assolutiżmu, jaħseb li bis-saħħa ta’ dan jista’ jagħmel li jrid u li jaqbillu, kif ukoll li bl-aktar mod skjett qed juża’ din l-istess kariga biex b’xi mod jieħu vantaġġ personali minnha, issa jew fil-futur.
Ikun aħjar jekk il-Kummissarju tal-Films jaqdi l-funzjoni tiegħu b’mod sħiħ billi, minflok ma jkompli jippoża waqt ċerimonji li swew lill-pajjiż il-miljuni u jimxi kontra kull sens ta’ etika li titlob minnu l-kariga tiegħu, jiddedika ruħu biex tassew isaħħaħ u jgħin lill-industrija lokali.
Minflok, qed jibqa’ jinjora għal kollox it-talbiet tal-istakeholders lokali bir-riżultat li dawn qed ikollhom ifittxu xogħol barra minn Malta, filwaqt li l-istess Kummissarju tal-Films jiftaħar li pajjiżna għandu bżonn jimpjega ammont kbir ta’ persuni f’din l-industrija, li sal-lum għadu mhux ċar jekk dan hux se jsir fuq bażi permanenti jew temporanju.
Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li Johann Grech jiċċara dan l-aġir abbużiv tiegħu mill-aktar fis, filwaqt li jsejjaħ lill-Ministru Clayton Bartolo, bħala l-Ministru responsabbli minn din l-industrija biex jinvestiga dan kollu minnufih.