“Il-PN se jibqa’ jaħdem favur l-ugwaljanza bejn is-sessi biex ħadd ma jibqa’ lura, kemm fil-ħajja ta’ kuljum u anke fil-post tax-xogħol.”
Hekk stqarret il-Kelliema tal-PN għall-Ugwaljanza, Graziella Attard Previ waqt konferenza tal-NCPE bit-tema “Insaħħu l-Ugwaljanza. Fejn Sejrin?” – konferenza li indirizzat is-sitwazzjonijiet li ta’ kuljum diversi persuni jgħaddu minnhom fid-dawl tal-ugwaljanza bejn is-sessi.
Id-deputat Graziella Attard Previ spjegat kif minkejja li pajjiżna mexa ‘l quddiem fejn jidħlu d-drittijiet tan-nisa, xorta waħda għadna naraw lill-mara li mhix stmata biżżejjed, għadha tiġi mwarrba u f’ċertu sitwazzjonijiet lanqas biss tiġi rispettata.
Il-Kelliema għall-Ugwaljanza saħqet li ma jistax ikun li pajjiżna għadu jara każijiet ta’ fastidju sesswali fil-post tax-xogħol, bħall-każ li kien seħħ fl-Orkestra Nazzjonali.
Graziella Attard Previ fakkret li r-realtà urietna kif in-nisa jisfaw vittmi ta’ fastidju sesswali aktar mill-irġieli. Fil-fatt, statistika turi li tlieta minn kull erbgħa tal-vittmi jkunu nisa filwaqt li wieħed minn kull tlieta biss jirrapurtaw każi ta’ fastidju.
Hi fakkret kif l-abbuż u l-fastidju sesswali jkunu kaġun ta’ ostakli fil-post tax-xogħol, b’riżultat li l-vittmi jispiċċaw isofru minn problemi tul ħajjithom.
Għal din il-konferenza, li saret ftit jiem wara l-Jum Internazzjonali dedikat lill-Mara, attenda wkoll fost l-oħrajn il-Kelliem tal-PN għas-settur tax-xogħol, Ivan Castillo.
Il-Kummissarju tal-NCPE, Renee Laiviera tkelmet dwar l-importanza li l-proposti preżentati ma jibqgħux jiġu injorati mill-Gvern hekk kif l-għan tagħhom hu biss li jagħti d-dinjità lil kull persuna f’pajjiżna.
Hi saħqet li l-fastidju sesswali ma nsibuhx biss fil-postijiet tax-xogħol iżda anke fil-ħajja ta’ kuljum, b’ħafna persuni ma jafux x’għandhom jagħmlu f’każ li jispiċċaw vittmi.
