Lokali

Il-PN se jibqa’ jkun ta’ spalla għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin

Laqgħa pożittiva ferm bejn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech u l-Eżekuttiv il-ġdid tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ fejn iddiskutew diversi temi li jolqtu liż-żgħażagħ f’pajjiżna.

Filwaqt li awgura għall-ħatra l-ġdida tal-Eżekuttiv kollu, Bernard Grech inkoraġixxa biex għat-terminu ta’ sentejn li ġej, it-tim jaħdem biex jassigura li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet kollha li jorbtu maż-żgħażagħ. U fid-dawl ta’ dan, huwa aċċertahom li l-Partit Nazzjonalista se jkun dejjem ta’ spalla u jressaq proposti għal Malta aħjar.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal kif dejjem se jagħti widen għal dak li jipproponu hekk kif iż-żgħażagħ huma ‘l futur ta’ pajjiżna.

Minn naħa tal-Kunsill, l-Eżekuttiv qal kif se jkunu qed jaħdmu biex jassiguraw li kull tema tiġi mhux biss diskussa iżda wkoll indirizzata. Fost dawn issemmew il-bżonn li l-Gvern jgħaraf kif iż-żgħażagħ qed jispiċċaw jaħdmu u jistudjaw fl-istess ħin biex ilaħqu mal-għoli tal-ħajja, b’riżultat li l-edukazzjoni qed tingħata l-ġenb.

Iżda l-iktar kwistjoni taħraq li tqajmet kienet il-fatt li minkejja li fl-aħħar snin il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ qajjem diversi temi li jaffetwaw liż-żgħażagħ, kemm-il darba ġew injorati minn membri tal-Gvern tant li saħansitra rrifjutaw li jiddiskutu magħhom dawn it-temi.

Bernard Grech sostna li l-Partit Nazzjonalista se jkun dejjem hemm biex jisma’ u jmexxi ‘l quddiem proposti ppreżentati miż-żgħażagħ. Preżenti għal-laqgħa kien hemm ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-PN, Michael Piccinino, il-Kelliema għat-tibdil fil-Klima, Eve Borg Bonello, u l-Kelliema għaż-Żgħażagħ, Bernice Bonello.