Lokali

Jiftħu konsultazzjoni pubblika iżda ħadd ma jrid jerfa’ responsabbiltà tal-imwiet

Il-poplu jrid kwalità aħjar, serjetà u responsabbiltà.

Hekk sostna l-Ministru responsabbli mill-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi…iżda meta mill-kliem nimxu għal fatti, l-aħħar snin urew li fil-qasam tal-bini u l-kostruzzjoni l-aġir ta’ Gvernijiet Laburisti kienu ‘l bogħod ferm minn dan id-diskors.

It-Tnejn waranofsinhar, wara 10 snin ta’ Gvern Laburista, 10 snin ta’ inċidenti f’siti ta’ kostruzzjoni, 10 snin ta’ traġedji u ħajjiet maħsuda… il-Gvern ħabbar li se jniedi konsultazzjoni pubblika dwar il-liċenzja tal-kuntratturi b’rabta ma’ twaqqigħ, skavar u bini – konsultazzjoni pubblika li għandha għaddejja sitt ġimgħat.

Għaldaqstant wara diversi xhur u snin ta’ appelli kemm mill-professjonisti fis-settur kif ukoll mill-Partit Nazzjonalista – il-Gvern issa iddeċieda li jiftaħ konsultazzjoni sabiex jirregola s-settur; settur li matul dawn l-10 snin jidher li l-Gvern tilef il-kontroll tiegħu.

Ġie spjegat li mill-1 ta’ Ġunju sal- 31 ta’ Ottubru se jkun miftuħ iż-żmien sabiex jintlaqgħu l-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-kuntratturi u min ma jkollux din il-licenzja mill-1 ta’ Novembru…mhux se jkun jista’ jaħdem. Dan minkejja li s-sistema sħiħa ta’ liċenzjar għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar tal-2025.

Il-licenzja hija rikjesta fuq kulhadd, inkluz barranin. U kumpanija jew individwi irid ikollhom esperjenza fis-settur tal-kostruzzjoni.

B’rabta ma’ dan kollu, Net News staqsa lill-Ministru Zrinzo Azzopardi għalfejn dan id-dewmien kollu biex ħadu dan il-pass….min se jerfa’ responsabbilità għal dan id-dewmien…u jekk jaqbilx li ssir inkjesta indipendenti b’rabta mal-mewt ta’ Jean Paul Sofia…

Iżda l-Ministru baqa’ ma’ weġibx.

Għaldaqstant, Net News kompla jinsisti mal-Ministru sabiex iwieġeb fost oħrajn min se jerfa’ responsabbiltà għat-tkaxkir tas-saqajn – tkaxkir li f’pajjiżna kien hawn minn ħallas għalih b’ħajtu.