Fis-serata tal-95 edizzjoni tal-Acadamy Awards li ttellgħet fid-Dolby Theatre f’Los Angeles matul il-lejl li għadda, tħabbru r-rebbieħa tal-Oscars għal din is-sena. Serata li kienet miżgħuda emozzjonijiet f’ċerimonja li ppremjat l-aqwa talenti mill-industrija ċinematografika.
Fost l-oħrajn Brendan Fraser rebaħ it-titlu tal-aħjar attur għall-interpretazzjoni tiegħu bħala għalliem rekluż u obeż fil-film ‘The Whale’, filwaqt li l-film ta’ żmien l-ewwel gwerra dinjija, bil-lingwa Ġermaniża, ‘All Quiet on the Western Front‘ rebaħ erba’ premjijiet inkluż l-aqwa film internazzjonali.
Il-film tal-ġeneru multiverse sci-fi comedy, ‘Everything Everywhere All At Once‘ kaxkar il-maġġoranza tal-unuri fejn b’kollox rebaħ 7 Oscars għall-aqwa film, l-aħjar editjar tal-films, l-aħjar screenplay oriġinali, Michelle Yeoh għall-aqwa attriċi, Daniel Kwan u Daniel Scheinert magħrufin flimkien bħala ‘Daniels’ ħadu l-aqwa direttur, Jamie Lee Curtis l-aqwa attriċi sekondarja u Ke Huy Quan l-aqwa attur sekondarju.
Minkejja d-disa’ nominazzjonijiet, kienet lejla diżappuntanti għal ‘The Banshees Of Inisherin’, li telqu b’idejhom vojta – kif għamel ‘Elvis’ tal-attur Austin Butler, li kellu tmien nominazzjonijiet. Sadanittant, it-tliet sequels blockbuster – ‘Top Gun: Maverick‘, ‘Avatar: The Way Of Water‘ u ‘Black Panther: Wakanda Forever‘ – kienu kollha onorati, u ħadu premju kull wieħed.
Imma l-lejla kienet dominata mill-film dwar il-ħasil tal-ħwejjeġ, it-taxxi u l-esplorazzjoni ta’ universi oħra – ‘Everything Everywhere All At Once‘. Ir-rebħa tal-aqwa attriċi ta’ Yeoh tagħmilha l-ewwel mara Asjatika li rebħet il-premju f’95 sena tal-Oscars. Waqt li ndirizzat lin-nisa kollha li kienu qed isegwu, l-attriċi anzjana ta’ 60 sena qalet: “Sinjuri, qatt tħallu lil ħadd jgħidilkom li żmienkom issa għadda.”
“Għas-subien u l-bniet ċkejknin kollha li jidhru bħali, dan huwa xempju ta’ tama u possibbiltajiet,” qalet fid-diskors tagħha. “Komplu oħolmu bil-kbir, il-ħolm isir realtà.” Hija ddedikat il-premju lil ommha – li deheret tiċċelebra r-rebħa tagħha fil-Malasja – u lill-ommijiet kollha tad-dinja.
Ke Huy Quan, li dawk ta’ ċerta eta’ jiftakruh fil-film ‘The Goonies’ u ‘Indiana Jones And The Temple Of Doom‘ fis-snin tmenin, reġa’ ingħaqad mal-ħabib antik tiegħu Dr Jones meta flimkien mal-kast ta’ ‘Everything Everywhere All At Once‘ tela’fuq il-palk biex jieħdu l-premju tal-aqwa film mingħand ħadd ħlief Harrison Ford.
Aktar kmieni fis-serata, huwa rċieva standing ovation hekk kif ingħata l-premju għall-aqwa attur sekondarju, u bid-dmugħ f’għajnejh indirizza lill-udjenza: “Ommi għandha 84 sena u tinsab id-dar tara. Ma, għadni kif irbaħt Oscar! Din hija l-ħolma Amerikana.” Quan kompla jgħid kif il-vjaġġ tiegħu kien beda fuq dgħajsa, għamel sena f’kamp tar-refuġjati u illum, b’xi mod, spiċċa fuq l-akbar palk ta’ Hollywood. Filwaqt li rringrazzja lil ommu tas-sagrifiċċji li tagħmel, lil ħuh li jċempillu kuljum u lil kast kollu tal-film, huwa temm jgħid “Stejjer bħal dawn jiġru biss fil-films. Ma nistax nemmen li qed jiġri lili!”
//= $special ?>