Lokali Qorti

Joseph Muscat sar jaf li ssemma Chris Cardona fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia mill-media

Ritratt: Independent.com.mt

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat qal li sar jaf li kien issemma l-eks Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia mill-media hekk kif huwa kompla jiddeffendi għal diversi drabi lill-eks Chief of Staff tiegħu Keith Schembri għal diversi azzjonijiet li ħa.

Madankollu hu ammetta wkoll li ċerta nformazzjoni li ħarġet wara, u li ssemma dwarha Schembri, fuq il-qtil ma kienx jaf dwarha. Dan ħareġ meta quddiem il-Maġistrat Victor Axiak kompla jinstema’ l-libell li kien fetaħ Joseph Muscat stess kontra l-Avukat Christian Grima talli ħassu malafamat meta l-Avukat allega fuq Facebook li Muscat “sploda” lil Daphne Caruana Galizia.

L-avukat Carl Grech li fil-każwa ta’ libell għad-danni qed jidher għal Grima staqsa għadd ta’ mistoqsijiet diretti lill-eks Prim Ministru Muscat fejn għal diversi drabi l-Avukat Pawlu Lia li qed jidher għal Muscat beda jinterrompi u jipprotesra mal-Qorti biex ċertu domandi ma jsirux.

L-Avukat ta’ Grima beda jistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-kitba tal-klijent tiegħu, b’Muscat jirrispondi li mhemm l-ebda interpretazzjoni u li l-kitba ta’ Grima tagħmilha ċara li hu huwa responsabbli għall-assassinju tal-ġurnalista. “L-investigaturi u l-investigazzjoni diġà stabilixxew li jien m’għandi l-ebda involviment fil-qtil tagħha,” qal Muscat.

L-avukat Carl Grech staqsa lil Muscat jekk ibatix minn kundizzjoni medika u Muscat wieġeb fl-affermattiv. Hu kkonferma li din il-kundizzjoni tikkawżalu li jħossu ħażin u li qal li minkejja li qatt ma ħassu ħażin fil-pubbliku, darba meta ħa doża differenti mis-soltu kien intilef minn sensih.

Dwar iċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri kien qal li lil Muscat kien iżommu nfurmat b’kollox, kompla l-Avukat, fejn hawn ġie mwaqqaf mill- Maġistrat li qal lill-Avukat  li dawn mhumiex mistoqsijiet tajbin għall-kontro-eżami. L-avukat ta’ Grima hawn jaqbel u iżda jgħid li kellu kontro-eżami sostanzjali preparat.

Tenna li qed jagħmel dawn il-mistoqsijiet biex jistabilixxi ir-raġunijiet li wasslu biex Grima jagħmel dik il-post fuq il-media soċjali. L-avukat ta’ Grima tenna li kien beħsiebi jkompli bil-kontro-eżami sakemm twaqqfu l-Qorti.

Tgħajjir ta’ “assasin” waqt il-protesti

L-Avukat staqsa lil Muscat jekk huwiex konxju tal-protesti kbar li kienu għaddejjin fil-pajjiż u li aktar minn persuna waħda għajritu “assassin”. Il-Qorti reġgħet interveniet fejn qalet li l-mistoqsija hija valida imma ma tistax issir fil-kontro-eżami.

L-avukat wieġeb billi qal li Muscat kien qal li ħadd ma kien għajru “assassin”, lanqas l-aktar kritiċi ħorox tiegħu.Muscat wieġeb li hu ma kienx qalb il-persuni li kienu qed jipprotestaw u li ħadd qatt ma qallu li kien involut fil-qtil ta’ Caruana Galizia.

Tenna li lanqas fil-Parlament ma kien hemm xi ħadd li għamel dan it-tip ta’ diskors.” L-inkjesta pubblika sabet li jien m’għandi l-ebda involviment fil-qtil,” saħaq l-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Mistoqsija pertinenti kienet jekk jaqbilx li Keith Schembri kien qed jaħbi xi ħaġa minnu. Muscat qal li ma jaqbilx u li Schembri jista’ jiddefendi ruħu jekk irid.  

L-avukat hawn informa lill-Qorti li Muscat mhuwiex qed iwieġeb u talab lix-xhud jurih li għamel l-asserzjoni li meta kien Prim Ministru u Schembri kien ħeba xi ħaġa minnu. Muscat qal li kien għamel bosta dikjarazzjonijiet li fihom ikkritika lil Schembri.

L-avukat ta’ Grima staqsa għaliex żamm lil Schembri bħala Chief of Staff tiegħu. L-avukat Pawlu Lia għal Muscat staqsa dwar x’inhi r-relevanza tal-mistoqsija. Muscat qal li Keith Schembri rriżenja dakinhar li ġie arrestat. L-avukat ta’ Grima ma kienx sodisfatt bit-tweġiba u talab lil Muscat jgħid aktar dwar Keith Schembri u dwar id-“dubju” li għandu dwaru.

Hawn Muscat qal li seta’ vera għamel asserzjonijiet li kienu interpretati bħala kritici lejn Schembri. “M’inix konxju li stajt inwaqqaf affarijiet li ma kontx naf bihom,” sostna Muscat.

Sal-lum Muscat għadu jafda lil Schembri

Muscat qal lill-Qorti li sal-lum għad għandu fiduċja f’Keith Schembri “bħala persuna u dejjem afdajtu”. L-avukat ta’ Grima xtaq ikun jaf fuq Melvin Theuma, l-bniedem li ħa l-proklama fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Muscat ġie mistoqsi dwar il-mod kif jingħataw il-Maħfriet Presidenzjali u li politikament refa’ r-responsabbiltà għall-għoti ta’ din il-maħfra.

L-Avukat Lia hawn reġa’ interrompa u staqsa dwar ir-relevanza tal-mistoqsijiet tal-avukat ta’ Grima u l-Maġistrat qallu li jekk din hija l-verità li qed jipprovaw jistabilixxu, mela l-mistoqsijiet huma meqjusa bħala relevanti. Hawn ix-xhud reġa’ ddeffenda lill-eks Chief if Staff tiegħu u qal ma kellu l-ebda ħsieb jgħid li Schembri kien qed jittradixxi l-fiduċja tiegħu  

L-Avukat Lia reġa’ ġibed l-attenzjoni tal-Qorti hijiex se tippermetti mistoqsijiet b’ċerti intenzjonijiet li jimplikaw affarijiet li ma seħħewx tassew. Il-Qorti tirrispondi li l-mistoqsija setgħet issir. L-eks Prim Ministru Muscat qal li mindu seħħ il-qtil, kien jirċievi aġġornamenti kull ġimgħa dwar l-investigazzjoni u jżid li dan kien l-uniku qtil maġġuri fil-pajjiż li wassal għall-arrest ta’ persuni kif ukoll il-kundanna tagħhom.

Mistoqsi dwar Melvin Theuma u l-involviment tiegħu, Muscat jgħid li ma kienx informa lil Schembri bih. Qal li ma jafx jekk Schembri kellux mod kif isir jaf b’din l-informazzjoni iżda kkonferma li Schembri ġieli attenda għal dawn l-aġġornamenti.

Qal li kien jattendi għall-aġġornamenti qabel ma ngħatat il-Maħfra Presidenzjali. Musca qal ukoll li ma jafx li Keith Schembri qattx għamel pressjoni fuq is-servizzi tas-sigurtà. Muscat qal ukoll li ma ġiex infurmat li l-mowbajls ta’ Melvin Theuma u Yorgen Fenech kienu qed jiġu ssorveljati.

L-avukat ta’ Grima staqsa dwar il-komunikazzjoni bejn Muscat u Fenech u Muscat tenna li kien ingħata l-parir li jkompli jikkomunika b’mod normali ma’ Fenech u li ma kienx hemm raġuni għaliex il-komunikazzjoni “intensifikat” meta Schembri ġie arrestat. Muscat qal ukoll li ma jaf bl-ebda komplott biex tinqatel Daphne Caruana Galizia.

Muscat qal ukoll li bħal kulħadd, kien mill-midja u li sar jaf bl-istess mod li l-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona kien issemma’ f’dan il-komplott. Qal ukoll li mhuwiex konxju li l-Maġistrat inkwirenti ta’ dak iż-żmien Consuelo Scerri Herrera kienet sejħet lil Chris Cardona.

L-avukat staqsa dwar ċertu recordings ta’ Melvin Theuma u jekk irrakkomandax l-għoti tal-Maħfra lil Theuma mingħajr ma semagħhom. Muscat qal li dak iż-żmien kien qal li l-każ jista’ ma jkunx b’saħħtu biżżejjed u li hemm bżonn ix-xhieda wkoll.

L-avukat Pawlu Lia għal darba oġra beda jistaqsi jekk dawn il-mistoqsijiet kollha humiex intenzjonat li jistabilixxu li Muscat huwa responsabbli għall-qtil. Hawn l-avukat ta’ l-akkużat staqsa; “nista’ nidderieġi l-mistoqsijiet kif nixtieq jien?”. L-avukat Lia jirrispondi li l-liġi torbtu. Il-Maġistrat qal li kien ikun aħjar kieku l-mistoqsijiet isiru waqt l-eżami u mhux il-kontro-eżami.

Muscat jikkonferma li l-aġġornamenti tal-Pulzija ovvjament kienu qabel ma seħħew l-arresti u tressqu l-persuni arrestati fosthom Yorgen Fenech. Tenna li qatt ma qal li l-qtil “issolva” meta l-aħwa Degiorgio ġew arrestati u li l-Pulizija ma kinux jafu bir-recordings u l-kontenut tagħhom.

Muscat lanqas ma kien jaf fuq ix-xogħol fantażma ta’ Melvin Theuma u min kien il-Kummissarju tal-Pulizija

L-avukat ta’ Grima staqsa dwar ix-xogħol fantażma ta’ Melvin Theuma u jekk kinitx prassi approvata u ma kienx jaf dwarha. Muscat jgħid li l-parir li ngħata dwar l-għoti tal-Maħfra Presidenzjali kien mill-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali.

L-avukat ta’ Grima jisħaq li Muscat mhux qed iwieġeb il-mistoqsija u staqsa lil Muscat jekk jafx b’min kien il-Kummissarju tal-Pulizija meta nqatlet Caruana Galizia u kemm dam Kummissarju. Muscat jgħid li ma jiftakarx bl-amment. Il-Qorti hawn tgħid li kien Lawrence Cutajar. X’differenza tagħmel min kien u kemm dam, staqsa l-Avukat Lia.

Muscat jgħid li kienet deċiżjoni “li ttieħdet fuq livell politiku minnu” meta l-FBI ġew mitluba jassistu fl-investigazzjoni. Ikkonferma li Silvio Valletta kien involut “f’livelli differenti” fl-investigazzjoni, bħalma kien involut Keith Arnaud.

Jerġa’ jinterrompi l-Avukat Lia fejn qal li dawn il-mistoqsijiet m’għandhomx x’jaqsmu mal-allegazzjoni tal-attur li hija waħda malafamanti. Muscat qal li meta Valletta kien involut fil-każ, ma kienx hemm indikazzjoni li Yorgen Fenech kien involut ukoll. Qal li ma kienx jaf x’tip ta’ relazzjoni kelhomm Fenech u Valletta.

L-avukat staqa x’passi ttieħdu meta ġie żvelat li Valletta kien ħabib ta’ Fenech. Muscat wieġeb billi qal li Valletta kien irriżenja meta ġie żvelat li kien miżżewweġ lid-Deputat Laburista ta’ dak iż-żmien Justyne Caruana. Muscat qal ukoll li Valletta kien diġà tneħħa mill-investigazzjoni mill-Qorti minħabba ż-żwieġ tiegħu ma’ Justyne Caruana.

Muscat sostna li la hu u lanqas Keith Schembri ma kien jaf li se jiġi arrestat u li Schembri kien qallu li kien se jirriżenja minħabba s-sitwazzjoni politika fil-pajjiż li kienet eskalat. Il-Qorti tordna l-inverżjoni tal-provi u l-eċċezzjoni tal-verità tal-fatti, jiġifieri li minflok il-Prosekuzzjoni trid tipprova kontra l-akkużat, huwa l-akkużat li jrid jipprova l-każ tiegħu. Il-kawża se tkompli fit-8 ta’ Mejju fin-12.30pm.