Sport Sport Ieħor

Judo: Suċċess għal Isaac Bezzina u Katryna Esposito fit-Tunis African Cup

Għall-ewwel darba fl-istorja malta rebħet żewġ midalji, tnejn Bronż, f’Continental Open tal-Judo.

Iż-żewġ idalji Bronż intrebħu minn Isaac Bezzina u Katryna Esposito fit-Tunis African Cup b’Bezzina jirbaħ il-Bronż fil-kategorija 100kg filwaqt li Esposito, li ftit tal-jiem ilu rebħet l-Isportiva tas-Sena, rebħet Bronż ukoll fit-48kg

L-Iskwadra Maltija tal-Judo, magħmula minn Bezzina Isaac (-100kgs), Bartolo Kris Samuel (-81kgs), Zahra James (-60kgs), u Esposito Katryna (-48kgs), ivvjaġġaw lejn Tunis, akkumpanjati mill-Coach Aurelian Fleisz u t-tabib Ivan Esposito.

Diġà fl-ewwel jum, Katryna rebħet l-ewwel Midalja Kontinentali tagħha, meta rebħet il-bronż fit-48kgs. Il-kategorija kienet ikkontestata minn 12-il atleta minn 7 pajjiżi minn 3 kontinenti. Fl-ewwel logħba, Katryna eliminat il-medalja tal-fidda tal-Kampjonati Għarbi tal-Judo Kaddour Houaria mill-Alġerija. Il-logħba kienet waħda twila, li marret fil-golden score. Finalment Katryna rnexxielha tassigura wazari (punt) biex għalqet il-logħba. Ir-rawnd li jmiss kien kontra l-medalja tal-bronż tal-Kampjonati Afrikani mill-Burundi, Kanyamuneza Signoline.

Kanyamuneza kisbet wazari waqt il-konkors, u eventwalment għaddiet għas-semifinali. Katryna, wara li waslet għall-kwarti tal-finali, ġiet irkuprata biex tikkompeti għall-midalja tal-bronż permezz tal-logħob tar-repechage. L-ewwel logħba tagħha kien kontra Tsyrlin Anat mill-Istati Uniti, li Katryna kkonkludiet fi ftit inqas minn 3 minuti b’Ippon (punti sħaħ). Il-logħba tal-midalja tal-bronż kienet kontra Aymard Virgina mill-Gabon. Katryna skurjat 2 wazari f’2 minuti, u kkonkludiet il-logħba b’wazari-awasete-ippon (2 wazari jagħmlu punt sħiħ), u b’hekk rebħet l-ewwel midalja tal-bronż tagħha f’kompetizzjonijiet ta’ ranking mondjali, u qabżet 36 post fil-lista tal-klassifika mondjali.

Zahra James ttellgħa kontra l-ewwel seed (l-ogħla atleta klassifikat) tal-avveniment, Dhouibi Fraj mit-Tuneżija, u sfortunatament ġie eliminat fl-ewwel rawnd, meta tilef b’2 wazari. Dhouibi eventwalment rebaħ il-kategorija.
It-2 jum beda bid-debutt ta’ Kris Samuel Bartolo fil-kompetizzjonijiet Continental Open. B’xorti ħażina huwa ma għaddax mill-ewwel rawnd meta ġie megħlub minn De Ridder Maarten minn New Zealand.

Il-kategorija ta’ Isaac kienet ikkontestata minn 13-il atleta minn 10 pajjiżi minn 3 kontinenti. Is-sena l-oħra, Isaac resaq viċin li jirbaħ l-ewwel midalja tiegħu f’Open Kontinentali f’Tunis stess, meta tilef il-midalja tal-bronż u spiċċa fil-ħames post. Iżda din is-sena kienet se tkun differenti. L-ewwel kompetizzjoni tiegħu kienet bye, u beda l-ewwel kompetizzjoni tiegħu fil-kwarti tal-finali kontra t-Tuneżin Haddad Khalil. Dan kien konfront mill-qrib ħafna, li ħa l-ħin sħiħ tal-kompetizzjoni ta’ 4 minuti, u spiċċa b’wazari għal Isaac.

Is-semifinali kienet kontra l-atleta li qabel kien Russu, li issa qed jikkompeti għall-Bahrain, Bashaev Zeilmkhan. Din kienet logħba missielta ħafna, b’ċerta indeċiżjonijiet tar-referees, li finalment spiċċat b’rebħa għal Bashaev. Wara li tilef is-semifinali, il-logħba ta’ wara ta’ Isaac kienet il-logħba tal-midalja tal-bronż, kontra l-Alġerin Azizou Khaled. Ċert li kien ġej lura d-dar b’midalja, għalaq il-logħba b’Ippon f’16-il sekonda biss, u b’hekk din saret l-iqsar rebħa tiegħu fl-IJF Ranking Tournaments. B’din ir-rebħa, Isaac tela’ 3 postijiet oħra fil-World Ranking List, u b’hekk il-parteċipazzjoni tiegħu fil-Kampjonati tad-Dinja f’Doha f’Mejju saret aktar sigura. L-aqwa 100 atleta biss f’kull kategorija jistgħu jikkompetu fil-Kampjonati tad-Dinja.

Dan ir-riżultat kien riżultat storiku ieħor, miġjub id-dar mit-Tim Malti tal-Judo, immexxi minn Sensei Aurelian Fleisz. Proset lil Team Malta.