Sport Sport Ieħor

Kampjonat Ewropew tas-Snooker: L-Iskoċċiż Liam Graham isir champion ta’ Taħt il-21 sena

Disa’ rebħiet għalI-Maltin fil-kompetizzjoni tal-irġiel

Liam Graham Il-Ħadd ġie inkurunat bħala ċ-Champion Ewropew il-ġdid fil-kateġorija ta’ Taħt il-21 sena b’rebħa li probabbilment tiftaħlu t-triq għal karriera professjonali u suċċessi oħra f’dan l-isport. Ir-rebħ ta’ dan l-unur iffisser ukoll li isem dan iż-żgħażugħ Skoċċiż ta’ 18-il sena issa jkun nominat mill-European Billiards and Snooker Association biex jirċievi World Snooker Tour Card għall-istaġuni 2023/24 u 2024/25.

Din tkun l-ewwel darba li Graham jipparteċipa bħala plejer professjonali u b’hekk jidħol f’lista ta’ 128 plejer li matul l-istaġun jieħdu sehem fi 28 tournament madwar id-dinja.

Graham fil-finali għeleb lil Iulian Boiko tal-Ukranja li min-naħa tiegħu f’Jannar tal-2020 kien rebaħ World Tour Card għal sentejn. Boiko illum għandu 17-il sena pero’ dakinhar li rebaħ it-Tour Card kellu biss 14-il sena u sar l-iżgħar plejer professjonali f’dan l-isport. Fil-finali tal-Ħadd filgħaxija, sar-raba’ frame Graham deher li kien superjuri pero’ Boiko rrisponda bi break ta’ 101 u setgħa reġa’ daħal fil-logħba, iżda l-Iskoċċiż approffita’ ruħu minn boċċi li Boiko falla, u għalaq għal kollox din il-finali b’zewġ kolpi ta’ talent kbir għal punteġġ finali ta’ 5-2.

Aktar kmieni fil-ġurnata Graham u Boiko rebħu l-logħbiet tas-semi finali kontra l-Ingliż Ryan Davies u Robbie McGuigan tal-Irlanda ta’ Fuq rispettivament.

Wara l-finali l-President tal-European Billiards and Snooker Association, Maxime Cassis u l-President tal-Malta Billiards and Snooker Association, Ivan Brincat għamlu l-preżentazzjonijiet lir-rebbieħa. F’din il-kategorija l-aħjar break tal-kompetizzjoni ġie miksub mill-plejer Ingliż Ryan Davies, bi break ta’ 139 punt.

Il-Ħadd bdiet ukoll l-aħħar parti tal-kampjonat, il-kateġorija tal-irġiel fejn il-Malta Billiards &
Snooker Association ippreżentat 16-il plejer biex ikunu fost il-177 parteċipant ta’ din l-edizzjoni. Min dawn Frans Mintoff biss ma kienx immissu jilgħab illum. Wieħed jista’ jiddiskrivi dan l-ewwel jum tal-kompetizzjoni bħala sodisfaċenti għal plejers Maltin fejn minn 16 il-logħba rebħu disa’. Il-players li rebħu l-konfront tagħhom kienu, Frans Abdilla, Aaron Busuttil, Alex Borg, Arthur Cachia, Brian Cini, Isaac Borg, Tony Mifsud, Duncan Bezzina u Philip Ciantar.

Minn dawn Frans Abdilla, Aaron Busuttil, Arthur Cachia, Brian Cini u Tony Mifsud kellhom rebħiet konviċenti ta’ 3-0. Isaac Borg, li jiġi iben il-veteran Alex Borg rebaħ minkejja li tilef l-ewwel żewġ frames irkupra sew u dawwar ir-riżultat favuru, f’logħba li ħadet aktar minn tliet siegħat. L-avversarju ta’ Aaron Busuttil kien l-Albaniż Arenc Norja li jgħix Malta u huwa membru tal-M.B.S.A. u jipparteċipa fil-kompetizzjonijiet lokali li jsiru fl-Akkademja tas-snooker.

Frans Abdilla lagħab it-tieni logħba tiegħu fit-tard iżda tilef 3-0 kontra l-Finlandiż Jani Kananen.