Fl-aħħar sigħat, il-paramilitari merċenarji tal-Grupp Wagner, li qegħdin jappoġġjaw lill-Armata Russa fl-assalti fuq Bakhmut, kienu qed jattakkaw minn diversi direzzjonijiet bħala sforz iddisprat biex jinfiltraw id-distretti ċentrali tal-belt – u meta huma baqgħu jħabbtu wiċċhom ma’ reżistenza determinata.
Il-ħtif potenzjali ta’ Bakhmut sar ossessjoni anki għal Yevgeny Prigozhin, il-Kap tal-Wagner u alleat ewlieni tal-President Russu Vladimir Putin. Dan għaliex Prigozhin qed jibbaża r-reputazzjoni tiegħu fuq is-suċċess militari f’Bakhmut u meta hu, allegatament, għandu ambizzjonijiet kbar biex jilħaq il-quċċata tal-ġerarkija tat-tmexxija f’Moska.
Sadanittant, Prigozhin ammetta, waqt kummenti lill-istampa, li l-ġellieda Ukreni f’Bakhmut żgur li mhumiex jagħmlu l-affarijiet faċli għar-Russi u fejn huma qegħdin jiddefendu kull metru ta’ art. Dan waqt li kienu qed ikomplu l-battalji ‘il hinn miċ-ċentru tal-belt, bil-paramilitari tal-Wagner jippruvaw jiżblukkaw l-istaġnar fid-diversi nħawi ta’ Bakhmut.
Hu minnu wkoll li l-Institute for the Study of War – organizzazzjoni think tank fl-Istati Uniti – jemmen li l-offensiva tar-Russi fuq Bakhmut diġà qed tmajna u li l-paramilitari tal-Wagner ‘weħlu’ fiz-zoni urbani tal-belt u fejn ma jistgħux jagħmlu l-avvanzi sinifikanti.
//= $special ?>