Il-Gvern tal-Ukrajna hu fiduċjuż li r-reżistenza għall-attakki kontinwi tal-qawwiet Russi fuq il-belt ta’ Bakhmut għandhom ikomplu fit-tul taż-żmien, bl-osservaturi jiddubitaw kemm it-telf tal-mijiet tas-suldati, kuljum, jista’ jibqa’ sostenibbli għall-Armata tar-Russja fuq dak il-front tal-gwerra partikulari.
Sadanittant, il-kmandanti militari Ukreni – minkejja d-diversi kumplikazzjonijiet — qed jagħmlu li jistgħu biex jirrinfurzaw id-difiża ta’ Bakhmut bħala parti minn strateġija biex jimpenjaw il-parti kbira tal-qawwiet Russi għal din il-battalja; dejjem bil-ħsieb li Moska ma tkunx f’pożizzjoni li twettaq offensiva kbira fuq bnadi oħra tal-Ukrajna.
Fl-istess ħin, l-Ukreni qed jagħtu sinifikat politku kbir lil Bakhmut, b’din il-belt, għalihom, issir simbolu tar-reżistenza quddiem għadu qalil u feroċi.
Hemm ukoll ottimiżmu li r-reżistenza tal-Ukreni f’Bakhmut u l-madwar għandha tissarraf f’riżultati aktar inkoraġġanti matul ir-rebbiegħa u meta huma qed jistennew biex jirċievu t-tankijiet tal-gwerra u għajnuna oħra militari mingħand il-pajjiżi tal-Punent. Madankollu ħadd ma jista’ jgħid biċ-ċert kif is-sitwazzjoni kapaċi tiżvolġi minn ġurnata għall-oħra, anki jekk il-kmandanti Russi, issa, qegħdin jitkellmu bil-miftuħ dwar ‘sitwazzjoni mill-aktar diffiċli’.
Sadanittant, il-battalji għall-kontroll ta’ Bakhmut ma jidhrux li għandhom waqfien wara li r-Russi ċċirkondaw din il-belt u infiltraw xi distretti fost il-ġlied qalil. Ir-Russja ilha mis-sajf tipprova taħtaf il-kontroll ta’ din il-belt li, minkejja li mgħandhiex daqstant valur strateġiku, saret ‘l-ossessjoni’ tal-kmandanti militari Russi li, akkost ta’ kollox, iridu jwasslu aħbarijiet aktar pożittivi lill-Kremlin wara l-fallimenti li karatterizzaw l-invażjoni tal-Ukrajna.
Fl-istess ħin, il-battalja għal Bakhmut kapaċi tkun l-aktar element deċiżiv f’din il-gwerra għaliex jekk ir-Russi jirnexxilhom jeħduha, huma jkunu għamlu pass kbir fl-istrateġija tagħhom biex jikkontrollaw ir-reġjun sħiħ tad-Donbas lejn il-Lvant tal-Ukrajna u li Moska ddikjarah ‘estensjoni tat-territorju tar-Russja’ wara referendum li mhux rikonoxxut mill-maġġoranza tal-pajjiżi.
Fil-preżent, l-Ukrajna u daqstant ieħor ir-Russja, qed jgħidu li s-suldati tagħhom qegħdin joqtlu ‘numri bla rażan’ minn fost il-qawwiet tal-għadu – bis-sorsi indipendenti mhux dejjem ikunu jistgħu jivverifikaw stqarrijiet ta’ din ix-xorta.
Intant, il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, sostna li fl-aħħar jiem, tilfu ħajjithom ‘il fuq minn 1,100 suldat Russu, b’mijiet oħra jisfaw midruba. Ir-Russja wieġbet li t-truppi tagħha rnexxielhom joqtlu ‘il fuq minn 220 membru tas-servizzi militari Ukreni ‘fi spazju ta’ 24 siegħa’.
Illum f’Bakhmut fadal biss ftit eluf ta’ ċivili minn popolazzjoni li kienet tlaħħaq mas-70,000 qabel l-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet ta’ Moska.
//= $special ?>