L-Armata ta’ Myanmar immassakrat talanqas 30 persuna f’monasteru li jinsab fl-Istat ta’ Shan, mhux wisq ‘il bogħod mill-fruntier mat-Tajlandja. Il-massakru seħħ wara li t-truppi bumbardjaw il-villaġġ ta’ Nan Nein fi żmien meta żdiedu l-battalji bejn il-militar u l-gruppi għar-reżistenza armata f’dan il-pajjiż.
Myanmar ilu sentejn taħt it-tmexxija tal-Ġunta militari u l-aħħar rapporti qalu li l-qawwiet tagħha, fi tmiem il-ġimgħa, daħlu fl-inħawi ta’ Nan Nein fejn qatlu, kiesaħ u biered, lin-nies, inklużi familji, li sabuhom jistaħbew f’monasteru.
Il-membri ta’ grupp ta’ armati etniċi li qed jirreżisti l-Ġunta, fil-preżent, qed jiċċirkulaw il-filmati li juru munzell ta’ katavri quddiem wieħed mill-ħitan tal-monasteru li spiċċa mtertaq bit-tiri. Ma’ dawn il-vittmi hemm ukoll numru ta’ qassisin Buddisti.
Intant, il-membri tar-Reżistenza sabu aktar katavri f’inħawi oħra tal-villaġġ u wara li t-truppi tal-Ġunta spiċċaw jaħarqu il-bini u d-djar f’dik iz-zona bħala parti mill-‘attakk militari’ fuq il-villaġġ.
//= $special ?>