Lokali

‘Stabat Mater’ – Kunċert għall-Ġimgħa Mqaddsa f’Ħal Luqa

Stabat Mater huwa l-isem tal-Kunċert għal żmien il-Ġimgħa Mqaddsa li l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija ser tippreżenta nhar il-Ħamis, 30 ta’ Marzu fis-7.30pm, fil-Knisja Parrokkjali ta’ Sant’ Andrija Appostlu f’Ħal Luqa, propju lejlet il-ġurnata għażiża ddedikata lid-Duluri li tkun iċċelebrata sebat ijiem qabel jum il-Ġimgħa l-Kbira.

Dan il-Kunċert ser ikun qiegħed jittella’ wkoll f’sena fejn l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija qed tfakkar il-140 sena mit-twaqqif tagħha. Kif jixhed l-isem, it-tema prinċipali tal-Kunċert hija l-Mużika sagra adattata għal dawn iż-żminijiet mill-pinna ta’ wħud mill-akbar kompożituri internazzjonali u wkoll Maltin. Fil-kunċert ser jiġu esegwiti 11-il silta mużikali b’kompożizzjoni ta’ Luigi Cherubini, Giovanni Battista Pergolesi, Wolfgang Amadeus Mozart, Giuseppe Verdi, Gioachino Rossini, Gregorio Allegri, Gabriel Faure kif ukoll xogħlijiet mill-kompożituri Maltin Vincenzo Caruana Spiteri u Ray Sciberras.

Il-Banda Sant’ Andrija ser tkun taħt id-direzzjoni tas-Surmast tagħha Mro Michael Pulis. Flimkien mall-Banda, ser jieħdu sehem is-Sopran Claire Caruana, l-alto Graziella Debattista, it-tenur Alan Sciberras, il-baxx Alfred Camilleri, il-klarinettista Christopher M. Camilleri flimkien mal-Kor Cappella Musicale Caeciliana.

Iktar dettalji fuq dan il-kunċert jistgħu jinkisbu minn fuq il-paġna tas-Soċjeta’ fuq facebook. Id-dħul huwa b’xejn izda l-pubbliku huwa ġentilment mitlub jirriserva post billi jċempel fuq in-numri 79055527 jew 99867533.