Jum wara l-ieħor, ġimgħa wara oħra….u ħadd mill-Kabinett ta’ Robert Abela jew saħansitra mill-Grupp Parlamentari Laburista ma jħoss il-ħtieġa li jerfa’ l-iċken responsabbiltà b’rabta mad-deals dikjarati frawdolenti mill-Qorti tat-tlett sptarijiet – miljuni ta’ ewro li insterqu minn but il-poplu.
Il-Gvern Laburista ta lil Vitals u Steward xejn anqas minn €390 miljun mit-taxxi tal-familji Maltin u Għawdxin – flus li suppost kellhom imorru biex ilaħqu ma obbligi mitluba lilhom mill-Gvern; obbligi li l-Qorti sabet li ma ntlaħqux.
It-Tnejn filgħodu Net News staqsa lill-Ministru Roderick Galdes – li ilu membru tal-Kabinett tal-Gvern Laburista sa mill-2013 – għalfejn dejjem ivvota favur li Vitals u Steward jibqgħu jingħataw il-flus…minkejja li l-obbligi ma bdewx jintlaħqu.
B’Galdes issa…wara 8 snin f’muta totali, jisħaq li l-obbligi jridu jintlaħqu.
Matul il-jum tal-Ħadd fuq is-Super One, wara jiem sħaħ idur mal-lewża u jaħrab milli jwieġeb lill-ġurnalisti b’mod ċar u tond, Robert Abela stqarr li se jitlob lil Steward Healthcare il-flus lura ta’ servizzi li ma twettqux…..minkejja li sa ftit tax-xhur ilu d-Deputati Parlamentari Laburisti lkoll ivvotaw sabiex il-Gvern jagħti €80 miljun oħra lil Steward…u minkejja li kienu konxji li l-obbligi ma bdewx jintlaħqu.
Net News invevitabbilment staqsa għalfejn id-deċiżjonijiet ġusti ma ttieħdux matul t-8 snin preċedenti; 8 snin fejn matulhom il-Gvern ħareġ minn but il-poplu kważi €400 miljun.
Intant mistoqsi jekk xi ħadd mill-membri tal-kabinett jew saħansitra eks membri u issa backbenchers…hux se jerfgħu responsabbiltà ta’ għemilhom…..inkluż Roderick Galdes innifsu….l-Ministru ħarab milli jwieġeb.
Nhar il-Ħamis 16 ta’ Marzu fis-6 ta’ filgħaxija, il-Partit Nazzjonalista se jorganizza protesta quddiem il-Parlament sabiex il-poplu jingħata lura l-mijiet ta’ miljuni ta’ ewro b’mod totali…li l-Gvern ta lil Vitals u Steward. Dakinhar, se tkun qed tiġi diskussa mozzjoni importanti mressqa mill-Oppożizzjoni.
//= $special ?>