“Għalfejn il-Gvern baqa’ joħroġ il-flus lil Vitals u Steward? Dan trid tistaqsi lil dawk kollha nvoluti f’dan kollu”
Ebda responsabbilità merfugħa, ebda apoloġija – la mill-Kabinett preżenti, la mill-Prim Ministru Robert Abela u wisq inqas mill-eks Mexxej tal-Labour u predeċessur ta’ Abela fl-ogħla uffiċju f’Kastillja….Joseph Muscat.
Dan hekk kif it-Tnejn waranofsinhar meta kien għadu kemm ħareġ mill-Qorti, Muscat ntlaqa’ mill-ġurnalisti lkoll b’mistoqsija waħda – għalfejn ippermetta li Vitals u Steward jingħataw il-miljuni tal-ewro minn flus il-poplu, minkejja li ma bdewx ilaħqu mal-obbligi mitluba minnhom.
Fis-sentenza li sabet li d-deals ta’ Vitals u Steward kienu frawdolenti, l-Imħallef Francesco Depasquale sostna li l-Qorti ma tistax tifhem kif minkejja li ma’ laħqux ma obbligu wieħed, il-Gvern ippermetta li jsir it-trasferiment bejn l-istess Vitals u Steward.
Għaldaqstant Net News staqsa lil Joseph Muscat dwar dan kollu…bl-eks Leader Laburista jinsisti li kollox jinsab fil-minuti tal-Kabinett; minuti li ovjament l-ebda ġurnalist jew ċittadin komuni m’għandu aċċess għalihom.
Lil Joseph Muscat saqsejnieh ukoll min se jerfa’ responsabbilità politika mill-Kabinett preżenti – iżda huwa insista li din mhux kwistjoni tiegħu.
Net News staqsa lil Joseph Muscat għal liema raġuni l-Gvern baqa’ jagħti l-flus lil Vitals u Steward minkejja li f’Kastilja kienu konxji li l-barranin ma kienux qed ilaħqu ma ebda obbligu.
Iżda hawnhekk, Muscat farfarha u saħaq li din il-mistoqsija għandha ssir lil kull min kien involut f’dan kollu. Hawnhekk staqsejnih jekk għandux iwieġeb ukoll il-Prim Ministru Robert Abela għaliex hu kien ukoll il-konsulent legali tal-Kabinett…iżda Muscat insista mal-ġurnalisti biex ma jdaħħlux splenguni bejnu u bejn Abela.
U meta ġie mistoqsi mill-ġurnalisti jekk hux se jagħmel apoloġija lill-poplu Malti u Għawdxi….Joseph Muscat insista li f’dan kollu l-Gvern huwa l-vittma.
//= $special ?>