Futbol Sport

Antoine Zahra | talent kbir li kien sfortunat b’diversi injuries

Antoine Zahra meta kien jilgħab ma' Birkirkara

23 sena llu, Birkirkara rebħu l-ewwel Kampjonat Premier fl-istorja tal-klabb. Dak in-nhar, l-Istripes kienu kitbu l-istorja tal-futbol Malti b’tim kompost minn plejers Maltin li kienu fost l-aqwa f’dik l-era tal-futbol lokali, fosthom il-captain Antoine Zahra.

Meta rebaħ dan l-ewwel Kampjonat fil-karriera tiegħu, Zahra kien għad kellu 23 sena u kien diġa’ meqjus bħala wieħed mill-akbar talenti tal-logħba. Illum Zahra għandu 46 sena, u mingħajr dubju, ismu jibqa’ imfakkar bħala wieħed mill-aqwa plejers li qatt libsu l-flokk tat-tim nazzjonali Malti iżda kien sfortunat li għadda minn diversi injuries fit-tul.

Zahra lagħb 50 darba ma’ Malta, minkejja li tilef ħafna mill-karriera tiegħu bħala plejer, minħabba riabilitazzjoni għal diversi injuries li soffra, fosthom tliet darbiet l-operazzjoni tal-cruciate.

Antoine Zahra flimkien mal-President ta’ Birkirkara bejn l-1996 u l-2009, Victor Zammit.

Il-karriera sabiħa ta’ Zahra, bħala plejer li dejjem baqa’ leali lejn il-flokk ta’ Birkirkara, kienet irrakkuntata f’Replay ta’ nhar il-Ħadd li għadda, fuq Net Television. F’servizz ieħor mir-rubrika popolari, “Kienu qaluha f’Replay”, Christian Micallef fakkar lil dan il-plejer b’sitliet minn intervista li l-istess Zahra kien ta lil Replay f’Ottubru tal-2015, dak in-nhar fir-rokna ‘X’Sar Minnhom?’.

F’servizz emozzjonali u nostalġiku, Zahra jitkellem dwar ir-rebħ tal-ewwel Kampjonat Premier ma’ Birkirkara, ir-relazzjoni li hu kellu mal-eks President tal-klabb Victor Zammit, meta kien viċin li jiffirma mal-klabb tas-Serie A fl-Italja, Reggiana u d-diffikultajiet li għadda minnhom bħala plejer, bid-diversi injuries li ħabbat wiċċu magħhom.

Agħfas hawn sabiex tara dan is-servizz dwar Antoine Zahra.