Futbol Sport

Erling Haaland b’partita dominanti u jgħin lil City javvanzaw faċilment

(Ritratt: EPA)

Manchester City 7-0 RB Leipzig

Manchester City avvanzaw għall-fażi li jmiss tal-UEFA Champions League meta fit-tieni leg għelbu lil RB Leipzig bl-iskor ta’ 7-0 wara li fl-ewwel leg fil-Ġermanja temmew fi draw ta’ 1-1. L-eroj tal-partita bla dubju kien l-attakkant Norveġiż Erling Haaland li skorja xejn anqas minn ħames gowls.

Kien hat-trick ta’ Haaland fl-ewwel taqsima li witta’ t-triq għall-kwalifikazzjoni faċli għal Manchester City. L-ewwel kien fit-22 minuta li skorja permezz ta’ penalty biex mbagħad żewġ gowls fl-24 u fil-45 minuta mill-istess attakkant Norveġiż għamlu l-iskor 3-0.

Fit-tieni taqsima, City komplew fejn ħallew u kien Ikay Gundogan li skorja r-raba’ gowl fid-49 minuta. It-tim ta’ Pep Guardiola kompla jkabbar l-iskor u kien għal darb’oħra Erling Haaland li skorja r-raba’ gowl personali u l-ħames wieħed għal Manchester City fit-53 minuta. Haaland skorja l-ħames gowl tiegħu tliet minuti wara bl-iskor isir wieħed tennistiku dak ta’ 6-0. B’dan il-gowl Haaland sar l-aktar player għal Manchester City li skorja gowls fi staġun wieħed hekk kif dan kien d-39 gowl tiegħu. Kevin De Bruyne wkoll niżżel ismu fost l-iskorers meta b’xutt minn barra l-kaxxa lejn it-tmiem għamel l-iskor 7-0 u aggregate ta’ 8-1.

Porto 0-0 Inter

Inter minn naħa l-oħra kellhom jitħabtu xi ftit biex jikkwalifikaw meta temmew fi draw ta’ mingħajr gowls barra minn darhom kontra Porto. It-tim ta’ Simone Inzaghi iżda xorta kwalifika wara li fl-ewwel leg f’San Siro rebaħ bl-iskor ta’ 1-0 b’gowl skorjat minn Romelu Lukaku.