L-organizzazzjoni Flimkien għall-Ambjent Aħjar (FAA) tikkundanna b’mod sħiħ id-determinazzjoni tal-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar li jkomplu jħassru l-karatterstiċi uniċi tal-bini antik f’pajjiżna…bini li sebbaħ l-ibliet Maltin għal għexieren ta’ snin.
Dan ħareġ fi stqarrija mill-organizzazzjoni Flimkien għall-Ambjent Aħjar wara li l-Awtorità tal-Ippjanar approvat permess li se teqred binja storika li tinsab fi Triq Isouard f’Tas-Sliema.
Il-Kummissjoni tal-Ippjanar injorat għal kollox l-oġġezzjonijiet tas-Sovritendenza tal-Wirt Kulturali kif ukoll ir-regolamenti li hawn preżenti f’pajjiżna li jipproteġu bini storiku. Il-permess ippreżentat se jżid sitt sulari fuq din il-binja storika ta’ tlett sulari. Il-Kummissjoni saħansitra qalet li s-sovritendenza approvat dan il-permess iżda xahar ilu s-sovritendenza qal li dan il-permess huwa inaċċettabbli minn aspett ta’ wirt kulturali.

Minn naħa tagħha, l-koordinatur tal-FAA Astrid Vella insistiet li din il-binja storika hija protetta għaliex taqa taħt Kategorija A fejn ir-regolamenti jgħidu ċar u tond li fuq bini storiku ma jistax jinbena aktar sulari. Barra minn hekk, jekk isir xi tibdil fil-binja jrid ikun minimu filwaqt li l-materjal irid ikun identiku għal dak li intuża fil-binja oriġinali.
Fl-istqarrija l-FAA qalet li se tappella dan il-permess abbużiv filwaqt li hija sitwazzjoni tal-biki li organizzazzjonijiet bħal dawn ikollhom jonfqu fondi sabiex jopponu permessi li jħassru l-karatteristiċi ta’ bini antik u li huwa meqjus bħala wirt storiku. Barra minn hekk, FAA qed tappella lill-Kamra tal-Periti sabiex tagħti ħarsa lejn dan il-każ wara l-irwol ġdid li ngħataw sabiex jassiguraw li n-nies kollha li jinsabu f’din il-professjoni jipproteġu bini ta’ wirt kulturali.
//= $special ?>