Mark Anthony Sammut, PN
Id-deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut sostna fil-parlament li minflok investa f’diversi setturi tal-enerġija, fosthom fid-distribuzzjoni, il-gvern ta’ €400 miljun f’kuntratt frawdalenti fl-isptarijiet.
Mark Anthony Sammut wieġeb lis-Segretarju Parlamentari Chris Bonnett li aktar qabel qal li l-gvern Laburista kien l-uniku gvern li rebaħ l-elezzjonijiet ġenerali għal 10 snin sħaħ. Id-deputat Nazzjonalista fakkar li gvern Laburista għamel 15-il sena jirbaħ il-fiduċja tal-poplu bejn l-1998 u l-2013 li fihom Malta għamlet l-akbar kisbiet fosthom is-sħubija ta’ Malta fl-UE biex Malta setgħet tikseb il-fondi mill-UE. Li kieku ma kienx għal din il-kisba, lanqas is-Segretarju Parlamentari Bonnett ma jkun jista’ jitkellem dwar il-fondi mill-UE, sostan d-deputat Nazzjonalista.
Mark Anthony Sammut tratta l-kawża tal-isptarijiet u qal li dan il-budget għandu jkun ġudikat għaliex fih il-gvern qed jivvota €80 miljun oħra għal dan il-kuntratt frawdalenti. Il-gvern kien jaf li Steward m’għamlu xejn ħlief kamra tal-banju f’Għawdex iżda xorta tawhom €80 miljun.
Qabel għadda dawn il-flus, il-gvern kien jaf bil-protest ġudizzjaraju tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u tad-deputat Nazzjonalista Adrian Delia li jżomm lid-deputati Laburisti responsabbli għal dan il-kuntratt frawdalenti. Issa l-gvern se jerġa’ jivvota dawn it-€80 miljun għal Steward.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-Gvern qed jipprova jwarrab ir-responsabbiltà u sostna li l-kawża u s-sentenza kienu kontra l-Prim Ministru u għalhekk il-gvern kien parteċipi fil-kawża iżda kien fuq in-naħa tal-frodisti. Il-gvern kien parteċipi b’mod dirett f’dan il-frodi li kien jammonta għal €4 biljuni (€4,000 miljun) kieku ma twaqqafx.
Hu qal bħalissa l-pajjiż għandu kriżi fid-distribuzzjoni tal-enerġija fejn f’sena u tliet kien hemm 4,800 rapport ta’ vultaġġ ħażin. Dan qed iġib ħsarat fl-affarijiet domestiċi u l-uniku mod li din il-problema tissolva hi li jkun hemm investiment fid-distribuzzjoni għaliex id-domanda fuq in-network kibret minħabba ż-żieda fil-propolazzjoni.
Il-gvern qed jinvesti €15-il miljun kull sena għal sitt snin fid-distribuzzjoni. B’€400 miljun, fuq 27 sena, li l-pajjiż kien qed jagħti lil Vitals u Stewrad il-pajjiż seta’ jagħmel interconnector li jiswa madwar €180 miljun; li jaħdem fil-bnazzi u fil-maltemp.
Il-gvern seta’ investa wkoll €50 miljun u jingħataw lin-nies li nsterqu fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Iżda għal dawn, il-gvern m’għandux flus. Issa fil-kontijiet il-gvern qed jagħmel aġġustament ta’ madwar €100 għaliex propju l-gvern kien qed jisraq dawn l-ammonti kull sena iżda l-gvern ma jridx li dawn jingħataw lura. Il-gvern seta’ jinvesti wkoll fl-enerġija rinvoabbli, fejn il-pajjiż għadu fost l-aħħar fl-Ewropa.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-Prim Ministru ma jitwemminx meta jgħid li qed jaħdem fl-interess nazzjonali. Hu semma’ l-kuntratt tal-Electrogas u qal li ma jafx jekk il-Prim Ministru ta xi parir legali meta kien konsulent tal-ex Prim Ministru Muscat. Ta’ xiex kien qed jitħallas il-Prim Ministru għaliex dejjem jgħid li fuq l-ebda każ ma ta parir legali?
Id-deputat Nazzjonalista sostna li hemm ħafna affarijiet simili bejn il-ħadma tal-Electrogas u dik tal-isptarijiet fosthom il-kumpanija Bumi Armada li pprovdiet it-tanker u tħallsu €360 miljun u li kienu għaddew €2 miljuni lill-kumpanija Orion Enegneering u EN3 Projects. Imbagħad għaddew €100,000 lill-kumpanija 17 Black u €300, 000 fil-kumpanija Wings Investments fil-kumpaniji ta’ Yorgen Fenech. Dawn kellhom jgħaddu €5,000 kuljum lill-kumpaniji ta’ Keith Scembri u Konrad Mizzi.
Dan hu l-istess network u parallel bħal ma ġara fil-każ ta’ Accutor, fil-korruzzjoni tal-isptarijiet fejn Steward għaddew €3.6 miljuni il Accutor, li bdew jgħaddu €15,000 fix-xahar lil Joseph Muscat għax qalu li dawn huma ‘konsulenza’. Dan kien pjan ta’ irtirar u mhux konsulenza, sostna d-deputat Nazzjonalista.
//= $special ?>