Lokali Parlament

Il-gvern abbanduna lil Paceville

Albert Buttigieg, PN

Id-deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg qal fl-Aġġornament tal-parlament li l-gvern abbanduna lil Paceville u mhux iwettaq l-investiment meħtieġ.

Albert Buttigieg qal li San Ġiljan mhux lokal faċli u sostna li Paceville qed jieħu l-fama li hu l-wild-west ta’ Malta fejn il-cowboys jagħmlu li jridu u ħadd ma jista’ jkellimhom.

Hu sostna li kull ġimgħa jseħħu ġlied bejn gruppi, abbuż ta’ droga, vandaliżmu, sokor, storbju kbir, tarffiku bla rażan u żvilupp mhux kontrollat. Irid ikun ikkunsidrat li f’Paceville jgħixu wkoll in-nies u għalhekk dawn għandu jkollhom id-dinjità fil-mod kif jgħixu.

Il-liġijiet għandhom ikunu osservati, l-istorbju fl-iljieli jieqaf, ir-regoli dwar l-imwejjed ikunu osservati, jkun hemm l-indafa u jkun hemm is-sigurtà.

Iż-żgħażagħ għandhom imorru Paceville u jittornaw qawwijin u sħaħ. Il-gvern għandu jtejjeb din il-lokalità u għaliex dan hu investiment fil-lokalità.

Id-deputat Nazzjonalisat qal li mhux minnu li l-kriminalità naqset fl-aħħar 10 snin f’Paceville, jgħid x’jgħid il-ministru. Hu redikolu li l-gvern jgħid li fl-2022 ma nqabad l-ebda żagħżugħ fil-bars f’Paceville waqt li fl-istess sena kienu arrestati seba’ persuni biss dwar droga.

In-nies ta’ Paceville jeħtieġu r-rispett fil-ħajja tagħhom, sostna d-deputat Nazzjonalista, li qal li l-gvern wiegħed forza tas-sigurtà iżda mhux jgħid meta din se titwettaq.

Hemm ukoll nuqqas ta’ investiment fl-infrastuttura fejn il-kunsill lokali jingħata biss €20,000 għal dan l-iskop. Il-Kunsill qed jappella biex it-taxxa li jħallsu t-turisti, tmur għand il-kunsill biex bihom jitwettqu proġetti.

Jirriżulta li minn Jannar sa Novembru 2022 fil-Mellieħa sar investiment ta’ €47,900, f’San Pawl il-Baħar sar investiment ta’ €578,000, waqt li f’San Giljan sar investiment ta’ €20,000 u f’Tas Sliema investew miżerja ta’ €10,000. Hu qal li r-responsabbiltà tal-Ministru Clayton Bartolo mhix biss fuq id-distrett tiegħu.