Il-Gvern immexxi minn Robert Abela għadu qiegħed iwebbes rasu u jinjora l-appelli kemm tal-esperti kif ukoll tal-Partit Nazzjonalista u l-qraba taż-żagħżugħ ta’ 20 sena, Jean Paul Sofia, biex tinfetaħ inkjesta indipendenti b’rabta mal-mewt tal-istess żagħżugħ sabiex traġedja bħal din ma terġax isseħħ.
Minkejja l-appelli kontinwi tal-qraba taż-żagħżugħ li tilef ħajtu f’Diċembru taħt it-terrapien u t-tiġrif ta’ erba’ sulari bini, Robert Abela ma jridx li jiftaħ inkjesta pubblika li huwa biss jista’ jsejjaħ.
Minflok, fl-aħħar ġimgħat Abela għoġbu jattakka lill-ġudikatura, fost oħrajn lill-Maġistrat MarseAnn Farrugia għad-dewmien tal-inkjesta Maġisterjali. Meta fil-verita, din m’ghandha x’taqsam xejn ma’ inkjesta indipendenti.
B’rabta ma’ dan kollu Net News staqsa lill-Ministru u Membru tal-Kabinett Roderick Galdes…bil-Ministru jisħaq li b’xi mod jew ieħor il-ġurnalisti qed jiprovaw jirbħu vantaġġ minn xi ħadd għax qed jagħmlu dawn il-mistoqsijiet.
Il-fatt li ħadd ma jrid jerfa’ responsabbilitajiet ta’ żbalji gravi li ttieħdu minn naħa tal-Gvern jidher li qed isir attitudni endemika fil-Kabinett, hekk kif l-istess seħħ mal-Ministru Byron Camilleri meta provajna nistaqsuh dwar l-inkjesta indipendenti li saret b’rabta mal-qtil ta’ Bernice Cassar – inkjesta li kkonkludiet li l-omm inqatlet minħabba li l-Gvern ma offrix biżżejjed riżorsi lill-Pulizija.
Għall-ewwel, Camilleri prova jaħrab id-domandi ta’ Net News. Iżda meta pressat, qalilna biss li hu kuntent li waqqaf il-unit tal-Vjolenza Domestika.
B’rabta mal-istess suġġett staqsejna wkoll lil sieħbu fil-Kabinett, Roderick Galdes li skomdu għall-aħħar għażel li jaħrab mill-mikrofonu ta’ Net News u ma jwieġeb assolutament xejn.
Għaldaqstant, minkejja nuqqas traġiku wieħed wara l-ieħor…għad-detriment tal-poplu Malti u Għawdxi ħadd mill-Gvern ma jħoss li għandu jerfa’ xi tip ta’ responsabbiltà.
//= $special ?>