Lokali Parlament

Il-Ministru tal-Intern jgħid li rapport dwar il-vjolenza domestika qatt ma wasal għandu

Il-Ministru tal-Intern Byron Camilleri sostna fl-parlament li rapport importanti dwar il-vjolenza domestika qatt ma wasal għandu.

Kien f’Novembru 2020, li l-Ministru Byron Camilleri flimkien ma’ Lydia Abela u l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa’, kienu ħabbru li se jikkummissjonaw studju dwar il-vjolenza domestika f’Malta.

L-istudju sar mill-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, tlesta u ġie ppreżentat lill-Gvern sena wara iżda qatt ma kien ippubblikat. Jirriżulta li ħafna mir-rakkomandazzjonijiet huma l-istess bħal dawk li qed tagħmel l-inkjesta pubblika wara l-qtil ta’ Bernice Cassar, li sabet lill-Istat ħati li naqasha.

Fl-parlament id-deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut staqsa lill-Ministru Byron Camilleri jerfax responsabbilità għall-fatt li dawn ir-rakkomandazzjonijiet kienu ilhom sena għandu qabel dan il-qtil u ma għamel xejn dwarhom. Ir-risposta tal-Ministru tal-Intern kienet li dan ir-rapport qatt ma wasal għandu.