Lokali Parlament

Il-PAC jsejjaħ lil Keith Schembri biex jixhed dwar l-Electrogas

Jirriżulta li Ministru Laburista ħafer €40 miljun lill-Electrogas u minflok tħallsu mit-taxxi

Keith Schembri, l-ex Chief of Staff tal-ex Prim Ministru Joseph Muscat, se jkun ix-xhud li jmiss quddiem il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) fil-laqgħa li se ssir fit-28 ta’ Marzu 2023.

Keith Schembri qed ikun imsejjaħ biex jixhed dwar il-kuntratti tal-power station tal-Electrogas.

Fis-seduta tal-lum xehed Marvin Gaerty li spjega li hu accountant li jispeċjalizza fit-taxxa, kien Kummissarju tad-Dipartiment tat-Taxxa minn Mejju 2013 u li kien appuntant bħala team leader fil-Kumitat ta’ Evalwazzjoni tal-proġett tal-power station. Hu xehed li dan il-kumitat iltaqa’ darbtejn u kien kompost minn ħames esperti. Gaerty spjega li hu kien appuntat fuq il-kapaċità tiegħu individwali u mhux bħala Kummissarju tat-Taxxa Interni.

Ix-xhud qal li xogħlu kien li jgħaqqad ir-rapport tal-esperti għalkemm kien preżenti waqt id-diskussjonijiet. Hu sostna li ma kinx jifhem fit-turbini u fl-LNG u għalhekk għamel il-pożizzjoni tiegħu ċara mill-ewwel.

Ma niftakarx min kienu n-nies fil-Kumitat ta’ Evalwazzjoni għalkemm kien hemm esperti tekniċi minn setturi varji, sostna x-xhud, li qal ukoll li t-tanker tal-LNG kien diskuss waqt dan il-kumitat.

Marvin Gaerty xehed li ma kinx ta punti dwar il-kumpanija magħżula u kompla li ma jiftakarx lil min għadda r-rapport finali. Hu sostna li ma jafx jekk għaddiex ir-rapport lil David Galea jew lil Louis Giordimaina.

Ix-xhud kompla jixhed li ma jafx jekk David Galea kienx jattendi l-laqgħat tal-Kumitat ta’ Evalwazzjoni u kompla li hu ma kellux vot fil-Kumitat ta’ Evalwazzjoni. Hu sostna li ma jiftakarx min kien qed jiggwida lill-Kumitat ta’ Evalwazzjoni iżda kien hemm koordinatur.

Marvin Gaerty xehed li hu kien membru wkoll fl-aħħar stadju tal-evalwazzjoni u qal li kien iltaqa’ ma’ esperti biex jingħażel il-konsorzju finali. Hu sostna li f’dan il-perjodu hu kien ukoll il-Kummissarju tat-Taxxi Interni u xehed li ma kienx jaf bl-eżenzjoni tat-taxxa tas-sisa lill-Electrogas. Ma kontx involut f’dan, sostna Marvin Gaerty, li kompla li jirriżulta li d-Dipartiment tat-Taxxa Interni kien obbligat li jivverifika jekk tħallsitx is-sisa. Jirriżulta li Ministru Laburista ħafer €40 miljun lill-Electrogas u minflok tħallsu mit-taxxi

Marvin Gaerty sostna li qatt ma kellu diskussjonjiet ma’ xi ministru tal-gvern dwar dan il-proġett.