Lokali

Il-Pulizija tuża t-taser gun sabiex twaqqaf raġel li attakka żewġ persuni

Ilbieraħ waranofsinhar għall-ħabta tas-13.00 il-Pulizija kellha tissejjaħ fl-Imsida, fl-inħaw tal-iskola wara li rċeviet rapport li raġel attakka żewġ persuni waqt li kien miexi fit-triq.

Filmati li waslu għand Net News juru li l-pulizija provaw iwaqqfu raġel li kellu oġġett f’idejh iżda dan irrifjuta l-ordni tal-Pulizija. Kien hawn li l-pulizija kellhom jużaw it-taser gun sabiex iwaqqfu lil dan ir-raġel, li jidher li jsofri minn problemi ta’ saħħa mentali. Ftit minuti qabel ir-raġel jidher jagħti daqqiet fuq bosta vetturi li kienu pparkjati fl-istess triq.

Fuq il-post kien hemm tim mediku li assista liż-żewġ vittmi kif ukoll lir-raġel. Waqt li kienu qed jassistuh, ir-raġel kompla jkun aggressiv fil-konfront tagħhom tant li kellhom jerġgħu jissejħu l-pulizija.

S’issa għadu mhux magħruf jekk dan ir-raġel hux qed jinżamm taħt arrest jew jekk hux se jkun qed jitressaq il-Qorti mixli b’aggressjoni.