Lokali

“Is-settur tal-catering jeħtieġ li jingħata aktar għajnuna biex joffri esperjenza aħjar” – Bernard Grech

“L-infrastruttura nazzjonali għat-turiżmu trid tissaħħaħ, għax il-pedament jeħtieġ li jkun sod qabel fis-setturi rispettivi jsir xi forma ta’ investiment.”

Hekk qal il-Kap tal-PN Bernard Grech hekk kif delegazzjoni tal-PN iltaqgħet ma’ membri fi ħdan l-Assoċjazzjoni tal-Catering … fejn fost l-oħrajn ġew diskussi l-isfidi f’dan is-settur u x’jeħtieġ isir biex l-esperjenza li tingħata tkun waħda tajba.

Is-settur tal-catering jeħtieġ politika li tindirizza l-isfidi kontinwi ta’ dan il-qasam; qasam li jaħdem bi sħab ma’ setturi oħra u li kollha jeħtieġ li jissaħħu u jkollhom pedament sod. Il-PN se jkompli jwettaq politika fejn se jibqa’ jisma’ u jifhem l-isfidi ta’ dan is-settur, iżda wkoll joħloq is-soluzzjonijiet.”

Net News tkellem ukoll ma’ Matthew Pace, il-Viċi President tal-istess Assoċjazzjoni fejn tenna l-isfidi li preżentament is-settur qed isib quddiem wiċċu.

Fost l-oħrajn, Pace semma’ l-ħtieġa ta’ pjan ħolistiku għall-istabbilimenti tal-catering, id-differenza bejn il-ħaddiema tal-kċina fir-ristoranti, u l-ħaddiema f’ristoranti tal-lukandi, il-problema għall-ħaddiema b’għarfien differenti u anki l-mod kif  jirriċiklaw.

Preżenti għal din il-laqgħa flimkien mal-Kap tal-PN kien hemm il-Viċi Kap tal-PN Alex Perici Calascione, id-Deputat responsabbli mit-Turiżmu Mario De Marco, Julian Galea bħala President tal-FSME u Charles Selvaggi illi hu kandidat li jaħdem viċin dan il-qasam.

Min-naħa tagħhom, f’isem l-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering flimkien ma’ Matthew Pace kien hemm, il-President Michelle Muscat u Rouvin Zammit Apap.