Sport Waterpolo

Karl Izzo fiduċjuż li l-futur tal-waterpolo Malti hu sabiħ

Stewart Said

“Naħseb li dawn huma t-tournaments li għandna nfittxu biex inkunu nistgħu nersqu ‘l quddiem fir-rankings tal-Ewropa.” Kliem il-President tal-ASA Karl Izzo wara l-esperjenza tat-tim nazzjonali Malti fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja tat-Tieni Diviżjoni li ntlagħab f’Otopeni fir-Rumanija fl-aħħar jiem.

It-tim nazzjonali Malti rebaħ kontra l-Ukrajna 11-6 u kontra r-Renju Unit 9-7 filwaqt li kien megħlub mill-Ġermanja 9-5 u r-Rumanija 13-6. Jake Muscat spiċċa l-aqwa skorer tat-tim Malti b’sitt gowls, f’tim li kellu xejn anqas minn disa’ skorers differenti. Dan fisser li Malta spiċċat fit-tielet post fil-grupp, riżultat li mistenni jfisser kwalifikazzjoni interkontinentali f’Berlin fl-ewwel ġimgħa ta’ Mejju.

Il-President tal-ASA qal li qed jistennew il-konferma uffiċjali tal-kwalifikazzjoni. Dan għaliex minkejja li jikkwalifikaw l-ewwel żewġ timijiet, il-Ġermanja jikkwalifikaw awtomatikament minħabba li huma l-organizzaturi u jwassal għal post vojt li jittieħed mit-tielet tim li f’dan il-każ hu Malta.

F’dik li kienet l-ewwel esperjenza ta’ Milan Cirovic bħala kowċ tat-tim nazzjonali Malti, Izzo tenna l-kuntentizza tiegħu b’tim prattikament ġdid. “Naħseb li l-futur hu sabiħ. Għandna ħafna x’nagħmlu u ħafna fejn nikkompetu. Jien fiduċjuż li bil-proġett li bdejna issa, għandna fejn naslu, imma ovvjament irridu nżommu saqajna mal-art.”

It-tim nazzjonali Malti jilgħab fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew f’Ġunju li ġej. Izzo jittama li jekk tasal il-konferma għall-kompetizzjoni interkontinentali f’Mejju, it-tim Malti jkun jista’ jipparteċipa. Dan hekk kif stqarr li bħala assoċjazzjoni għandhom bżonn aktar għajnuna finanzjarja għaliex żied li tkun ħasra li minħabba l-ispejjeż involuti, it-tim Malti ma jipparteċipax.