Lokali Qorti

Kumpanija tal-Fish Farms ordnata tħallas aktar minn €500,000 f’kumpens lil għaddas

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Francesco Depasquale ordnat li għaddas ta’ 42 sena li spiċċa pparalizzat minn qaddu ’l isfel meta kien qed jogħdos fuq xogħol jingħata kumpens ta’ €534,000 għad-danni li ġarrab u dan għax ma ngħatax l-apparat adekwat għax-xogħol tiegħu.

Il-każ seħħ fis-6 ta’ April tal-2012 meta Frederick Catania kien qiegħed jogħdos f’fond ta’ 71 metru biex jaħdem fuq gaġeġ tal-ħut tal-kumpanija Ta’ Mattew Fish Farms. Kawża tal-inċident spiċċa sofra minn diżabbiltà permanenti ta’ 75 fil-mija bil-konsegwenza li ma setax jibqa’ jaħdem. F’kawża għad-danni kontra l-kumpanija, hu akkużahom li naqsu milli jassiguraw sistema sigura fuq il-post tax-xogħol, nuqqas li wassal għall-inċident.

Il-kumpanija ċaħdet l-akkuża u qalet li ħallset dak kollu dovut lil Catania u somma addizzjonali bħala forma ta’ karità. Fil-Qorti rriżulta li Catania kien jinżel jgħodds f’fond estrem biex jaħdem fuq il-gaġeġ tal-ħut. Madankollu ngħad li huwa kien provdut biss b’ċilindru standard tal-ossiġnu minflok wieħed speċjalizzat li jintuża għal dan ix-xorta ta’ għads.

Minkejja li l-kumpanija qalet li l-kuntratt ta’ Catania kien jistipula li t-tagħmir kellu jipprovdih huwa stess, il-Qorti nnotata li l-kumpanija naqset milli tippreżenta dan il-kuntratt bħala prova. Espert mediku kkonkluda li minħabba dan l-għads fil-fond b’ċilindru standard, Catania spiċċa marad u wassal għall-inċident li kawża tiegħu ddaħħal l-isptar f’qagħda gravi.

Il-Qorti qalet li l-inċident ta’ April kien ukoll responsabbiltà tal-kumpanija li kien jaħdem magħha l-vittma għax qalet li meta tela’ fil-wiċċ ingħata l-ossiġnu l-ħażin u damu madwar siegħa u nofs biex ħaduh l-isptar. Ħareġ ukoll li t-tobba responsabbli mill-każ xehdu li baqgħu bla kliem minħabba d-dewmien.

Il-Qorti ddikjarat li m’hemmx sistema sigura fuq il-post tax-xogħol biex tħares lill-ħaddiema b’mod xieraq. Lanqas kien hemm struttura organizzata biex tilqa’ għal każi ta’ emerġenza u biex f’każ ta’ inċident jitwassal minnufih l-isptar. Kien għalhekk li l-kumpanija Ta’ Mattew Fish Farms kienet meqjusa responsabbli waħdidha tal-inċident li ħalla lil Catania pparalizzat u ġiet kkundannatha tħallsu €534,000 flimkien mal-imgħaxijiet u l-ispejjeż tal-Qorti.