Il-mexxejja tal-Istati Uniti u r-Renju Unit ħabbru li l-Awstralja se tixtri sottomarini li jaħdmu bl-enerġija nukleari mill-Istati Uniti u r-Renju Unit fi ftehim stmat li jammonta għal madwar €342 biljun. L-għan wara dan il-ftehim hu sabiex l-Awstralja timmodernizza l-flotta tagħha minħabba t-tħassib dwar l-influwenza taċ-Ċina, li qiegħed dejjem jikber.
Dan kollu intqal f’konferenza konġunta f’San Diego li fiha ġie diskuss dan il-ftehim imsejjaħ AUKUS.
Anthony Albanese, il-Prim Ministru tal-Awstralja tenna li dan l-investiment huwa l-akbar investiment li qatt sar fid-difiża militari Awstraljana bis-sottomarini se jkunu qed jassistu mhux ftit biex l-ibħra Awstraljani jkunu mħarsa.
Min-naħa tiegħu l-President tal-Istati Uniti Joe Biden qal li dan l-investiment se jkun qed iġib stabbiltà fl-Oċean Indjan u Paċifiku, f’reġjun fejn hemm theddid kontinwu miċ-Ċina u l-Korea ta’ Fuq.
Intant min-naħa tagħha ċ-Ċina akkużat lill-pajjiżi membri fl-AUKUS li d-deċizjoni li ħadu hija triq li qatt ma kellhom jieħdu u li dan il-patt mhux vera se jkun qed iġib aktar liberta fl-ibħra msemmija.
//= $special ?>