Lokali Parlament

L-inklużjoni fl-iskejjel mhix tilħaq lil kulħadd

Justin Schembri, PN

Id-deputat Nazzjonalista Justin Schembri sostna fil-parlament li l-inklużjoni fl-iskejjel mhix tilħaq lil kulħadd; mhix tilħaq lill-istudenti kollha.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-qasam edukattiv hux jilħaq lill-istudenti kollha u sostna li l-inklussività mhux taħdem. Hu tkellem dwar l-karti alternattivi għal tfal b’diffikultajiet fit-tgħalim li issa mhux se jkomplu jingħataw biex dawn l-istudenti issa se jkollhom jagħmlu l-karti tal-eżami bħall-istudenti l-oħra.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li dawn l-istudenti qed jintalbu jibqgħu d-dar meta jkunu qed isiru l-eżamijiet. Dan qed iġib ilmenti mill-ġenituri. Hu kkritika l-fatt li l-kmamar multisensori humiex jintużaw għax m’hemmx min iħaddimhom.

Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar il-fondi Ewropej għall-MCAST u għall-Università u sostna li l-indikazzjonijiet huma li dawn se jingħataw ħafna inqas flus minn qabel. Dwar għalliema nieqsa fil-primarji, Justin Schembri qal li l-gvern jibqa’ jgħid li m’hemmx għalliema nieqsa meta hu fatt stabbilit li hemm numru ta’ għalliema nieqsa. Hu qal li l-istudenti qed jinfirxu f’diversi klassijiet biex b’hekk ma jidhrix li hemm għalliema neqsin.

Justin Schembri tkellem dwar sitwazzjonijiet li fihom għalliema jkunu fuq sick leave fit-tul iżda ma jkunx hemm għalliema ġodda biex jgħallmu lit-tfal. Hu qal li bħala Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni, it-talbiet tiegħu biex jattendi fi skejjel qed ikunu rifjutati dejjem.

Kien hemm anki skejjel li talbu li hu, bħala Kelliem tal-Oppożizzjoni, jattendi għal attivitajiet ċelebrattvi iżda ma jkunx permessibbli li dan isir mill-Ministeru.

Għad hawn skejjel bl-aperturi tas-snin passat, sostna Justin Schembri, li qal li hemm l-aperturi tal-iskola primarja ta’ Birkirkara għandhom bżonn manutenzjoni iżda l-gvern iwieġeb biss li dawn isiru meta jkun meħtieġ. Dan meta lanqas il-bażiku m’hemm!, sostna d-deputat Nazzjonalista, li sostna li l-Ombudsman għamel diversi rakkomandazzjonijiet iżda dawn ma twettqux.