Colin Schembri
Mellieħa Libertas……….89
Bupa Luxol…………………67
(20-20)(21-19)(33-12)(15-16)
Żewġ runs qawwija fit-tielet perjodu kienu kruċjali għat-team ta’ Mellieħa Libertas biex jerbħu l-ewwel leg tal-finali tat-tazza Louis Borg kontra Bupa Luxol. Luxol, li kienu ġejjin minn mument posittiv fil-kampjonat, żammew il-pass mal-avversarji sal-intervall fejn basket biss kien jifred liż-żewġ timijiet. Mellieħa rkupraw lil Connor Zinaich li tilef l-aħħar partita tagħhom però weġġa lejn it-tmiem u kellhu jinbidel kif ukoll lagħbu għal ħin twil mingħajr David Bugeja li kellu jħalli l-court wara żewġ fouls tekniċi. Wara bidu bilanċjat fejn iż-żewġ timijiet irrispondew lil xulxin, Mellieħa fetħu vantaġġ ta’ seba’ punti wara baskets minn Zinaich u Bugeja. Luxol wieġbu bi tlett trippli minn Nicola Vasovic u Trevian Bell għal skor ta’ 20-20. Fit-tieni sessjoni Mellieħa bdew bi tmien punti mingħajr risposta fosthom trippla minn Vukassin Jandric. Kien imiss lil Luxol li jirrispondu meta għamlu break ta’ 11-3 bi trippli ta’ Bell u Vasovic flimkien mal-punti ta’ Tayler Mattos. Mellieħa reġgħu ħadu l-vantaġġ bil-punti ta’ Bugeja u trippla ta’ Sebastien Valencia biex daħlu jistrieħu basket minn fuq 41-39.
Wara l-intervall, il-partita ħadet svolta oħra hekk kif Mellieħa bdew b’run ta’ 13-0 bi trippla oħra ta’ Jandric. Hawn waslet it-tkeċċija ta’ Bugea però Mellieħa komplew sejrin bil-punti ta’ Zinaich. Luxol finalment waqqfuhom bil-punti minn Jean Paul Schembri u Stefan Cappello però Mellieħa komplew bi break ieħor ta’ 12-2 għal skor ta’ 74-51. Fl-aħħar taqsima kien hemm it-trippli ta’ Valencia u Isaac Bonett għal Mellieħa biex komplew ikabbru l-vantaġġ. Luxol irnexxielhom jagħmlu 10 punti mingħajr risposta però Mellieħa temmew il-partita b’vantaġġ ta’ 22 punt li se jġorru magħhom għat-tieni finali.
Mellieħa Libertas: M. Falzon 3, D. Bugeja 15, R. Bonnici 6, V. Jandric 17, I. Bonett 5, N. Bukva 4, N. Jovanovic, C. Zinaich 28, M. Formosa, O. Said, S. Valencia 11.
Bupa Luxol: J. Cefai, N. Vasovic 14, M. Sciberras, T. Bell 18, JP Schembri 2, A. Trapani, L. Trapani, T. Mattos 20, M. Matijevic, S. Cappello 13.
Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Gordon Barbara, Nicky Azzopardi
Bupa Luxol……………………82
Mellieħa Libertas………….83
(24-26)(27-16)(10-13)(21-26)
Trippla eżatt fl-aħħar sekonda minn Sebastian Valencia tat rebħa drammatika lil Mellieħa fit-tieni leg tal-finali għalkemm it-team ta’ Christian Narciso kellhom il-vantaġġ ta’ 22 punt mill-ewwel partita. B’hekk Mellieħa rebħu l-ewwel unur tagħhom dan l-istaġun hekk kif rebħu t-tazza Louis Borg għall-ewwel darba wara li kienu finalisti telliefa għal darbtejn fis-snin 2008 u 2022. Luxol tħabtu biex jirkupraw l-iżvantaġġ li kellhom u għal xi waqtiet irnexxielhom li jnaqqsuh bin-nofs però kellhom wirja nkorraġġanti hekk issa noqorbu għall-fażi finali tal-istaġun. Mellieħa kienu mingħajr l-Amerikan Connor Zinaich, preżenti bil-krozzi u għadu mhux magħruf kemm se jdum barra mil-logħob. Il-partita fetħet bi trippla fuq kull naħa minn Jean Paul Schembri u Vukassin Jandric. Jandric kompla b’żewġ trippli oħra biex Mellieħa marru 11-7 minn fuq. Luxol wieġbu bil-punti ta’ Tayler Mattos u Trevian Bell f’run ta’ 9-2 biex marru 18-15 minn fuq. Jandric flimkien ma’ David Bugeja reġgħu poġġew lil Mellieħa minn fuq u huma żammew il-vantaġġ sa’ tmiem l-ewwel taqsima 26-24. Fit-tieni perjodu, Luxol fetħu tajjeb u break ta’ 10-0 bi trippla ta’ Bell poġġiethom 39-30 minn fuq. Ir-risposta ta’ Mellieħa ġiet minn Valencia flimkien mat-trippli ta’ Isaac Bonett u Bugeja però Luxol ukoll kellhom trippla minn Stefan Cappello flimkien mal-punti ta’ Bell biex daħlu jistrieħu 51-42 minn fuq.
Fit-tielet sessjoni, wara basket ta’ Mattos, Mellieħa kellhom seba’ punti mingħajr risposta u naqqsu d-distakk għal 4 punti 49-53. Luxol irkupraw permezz ta’ Bell u Matthew Sciberras qabel ma kien hemm trippla fuq kull naħa biex Luxol żammew il-vantaġġ 61-55. Fl-aħħar taqsima, wara li Mellieħa marru fuq quddiem 64-63 bil-punti ta’ Robert Bonnici, kien hemm l-aħħar sforz mill-players ta’ Duncan Fenech bi break ta’ 13-2 li rathom jiftħu vantaġġ ta’ 12 -il punt 80-68 għalkemm kienu għadhom 10 minn taħt bl-aggregate. Hawn però Mellieħa reġgħu ħadu l-partita f’idejhom fejn għamlu l-aħħar run ta’ 15-2 b’żewġ trippli ta’ Valencia fosthom dik deċisiva fl-aħħar sekonda biex ħadu r-rebħa fuq skor ta’ 83-82 u t-tazza b’aggregate ta’ 172-149. Fi tmiem il-partita s-Sur Mark Borg, iben il-mibki Louis Borg ippreżenta t-trofew lil captain ta’ Mellieħa David Bugeja fost il-ferħ tal-partitarji u d-diriġenti tagħhom.
Bupa Luxol: J. Cefai 4, N. Vasovic 7, M. Sciberras 6, T. Bell 25, JP Schembri 9, A. Trapani, L. Trapani, T. Mattos 19, M. Matijevic 5, S. Cappello 7.
Mellieħa Libertas: M. Falzon, D. Bugeja 18, R. Bonnici 4, V. Jandric 17, I. Bonett 10, N. Bukva 7, N. Jovanovic 3, M. Formosa, O. Said, S. Valencia 24.
Referees: Daniella Torok, Gordon Barbara, Fiorentina Ciurariu
//= $special ?>