Se tkun okkażjoni speċjali għall-Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta hekk kif fi tmiem il-ġimgħa se tindaqq mużika unika li nstabet dan l-aħħar fl-arkivji tal-istess knisja. Il-mużika se tindaqq fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Ġużepp, li ssir bil-parteċipazzjoni tal-Arċikonfraternità Ġużeppina.
Net News tkellem ma’ Joe Cioffi r-Rettur tal- Arċikonfraternità illi spjegalna aktar dwar il-funzjoni tal-Ħadd li ġej u din il-mużika partikolari li se tindaqq.
“Il-maestro tal-Bażilika Abraham D’Amato għamel riċerka kbira fl-Arkivju Mużikali li hawn f’dan il-kunvent u sab teżori kbar ta’ mużika li ħallew il-familja Nani u partikolarment instabet l-antifona li kienet inkitbet għall-festa ta’ San Ġużepp minn Paulo Nani. Din se tindaqq fl-aħħar tal-quddies u kif ukoll mad-dħul tal-purċissjoni fil-Bażilika. Tul il-funzjoni se jindaqqu biss innijiet bil-mużika ta’ Nani”
“Il-Ħadd filgħodu se ssir il-quddies solenni, immexxija mill-Provinċjal, bis-sehem tal-knejjes oħra tal-Belt, wara l-quddies għall-ħabta tal-11am tibda ħierġa l-purċissjoni”
Fil-Bażilika, apparti l-artal dedikat lil San Ġużepp u l-vara tal-istess qaddis, hemm ukoll kappella tal-Arċikonfraternità dedikata għall-qaddis patrun tal-Knisja Universali.
Joe Cioffi kellimna wkoll dwar il-kult ta’ San Ġużepp fil-kapitali u minn fejn nibtet id-devozjoni.
“Mat-twaqqif tal-frattelanza, fl-1632, mill-ewwel bdiet il-festa ta’ San Ġużepp u li tkabbar il-festa ta’ San Ġużepp. Hawn il-Bażilika hija tal-Madonna tal-Karmnu, ma tistax ma tħobbx lil San Ġużepp u ma tħobbx il-Madonna tal-Karmnu”
Tul is-snin, kienu bosta l-papiet li bil-kitbiet tagħhom mexxew ‘il quddiem il-kult Ġużeppin.
Fl-1621, il-Papa Girgor XV kien għamel il-festa ta’ San Ġużepp fid-19 ta’ Marzu bl-obbligu tal-quddies.
Fl-1870 San Ġużepp kien dikjarat bhala Patrun Universali tal-Knisja Kattolika. Il-Ħadd, diversi parroċċi u knejjes jiċċelebraw il-festa ta’ San Ġużepp, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex – partikolarment fir-Rabat, fejn tiġi ċċelebrata waħda mill-aktar festi popolari fil-perijodu tax-xitwa.
//= $special ?>