Żewġ żgħażagħ Sirjani ma nstabux ħatja mill-Maġistrat Leonard Caruana li fis-sajf tal-2020 għamlu b’aktar minn €2,500 fi ħsara fi proprjetà pubblika meta kienu involuti fi ġlieda ma’ grupp ta’ bouncers fi club ġewwa f’Paceveille. Bashar Sheikh Ahmad Antar ta’ 22 sena li joqgħod is-Swatar u Yusef Sheh Ahmad Haled ta’ 31 sena ma nstabux ħatja wkoll li kisru l-paċi pubblka u li kienu fis-sakra.
Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li għalkemm Kuntistabbli talab li jingħata s-CCTV mill-cameras tal-LESA, il-filmat ippreżentat fil-Qorti kien meħud minn sit elettroniku tal-aħbarijiet u mhux minn CCTV li kienu fl-inħawi. Ingħad li ma tressaq ħadd jikkonferma l-awtentiċità tal-filmat u b’hekk kienet kostretta li tiskarta l-prova ewlenija f’dan il-każ.
Il-ġlieda kienet seħħet fl-1 ta’ Awwissu ta’ tliet snin ilu meta għall-ħabta tal-4.00 a.m. meta bouncer tal-club lemaħ Sirjan iwaddab tazza mal-art u mar biex joħorġu ’l barra. Ħareġ li Bashar mar fuqu u pprova jikkonvinċih ma joħorġux, iżda l-bouncers, ħarġu l-grupp ’il barra. Kien hawn li s-Sirjani bdew iwaddbu xita ta’ tazzi lejn il-faċċata tal-istabbiliment. Dwar il-ġlieda l-pulizija arrestaw xi nies iżda rrilaxxawhom biex ikomplu bl-investigazzjonijiet tagħhom.
Fil-Qorti l-Kuntistabbli Terry James Mallia xehed li fuq il-post kien ra kommossjoni kbira quddiem Club H u kellem xi persuni involuti. Xehed li ra tazzi jtiru lejn il-faċċata iżda ma rax min tefagħhom. Skont Sirjani li tkellem magħhom, il-bouncer ħariġhom ’il barra għax wieħed minnhom waqqa’ tazza mal-art.
Xehed li tkellem mal-bouncer Matthew Camilleri li qallu li s-Sirjan, Shek Abdul, waddab u mhux waqqa’ t-tazza mal-art. Xehed li Haled ġie arrestat għax wara li l-Pulizija ferrxu lill-ġemgħa, dan reġa’ mar quddiem il-club joffendu u jagħmel sinjali u mossi lill-persuni fl-istabbiliment.
Matthew Camilleri minn naħa tiegħu xehed li għall-ħabta tal-4.00 a.m. is-Surġent għamillu sinjal biex jitfi l-mużika. Qal li hu u dieħel fil-club, ra persuna twaddab tazza mal-art ħdejn sieq tfajla. Qal li malli mar biex joħorġu ’l barra, mar fuqu Ahmad Anter biex ma joħorġux. Tenna li ħariġhom it-tnejn ’il barra u bdiet ix-xita ta’ flixkien.
Qal li ma jafx min kien involut għax kien hemm ħafna nies. Żied li Ahmad Haled kien qed iwaqqafhom u Ahmad Anter ma tahom ebda inkwiet. Joseph Rivan, bouncer mal-Club Havana, li jiġi bieb ma’ bieb ma’ Club H xehed li kien hu li sejjaħ għall-pulizija. Ikkonferma li għalkemm l-akkużati kienu preżenti, ma rahomx jagħmlu xi ħaġa.
Minbarra fuq l-awtentiċità tal-filmati, l-Qorti qalet ukoll li ħadd mix-xhieda ma identifika lill-akkużati bħala l-persuni li waddbu l-fliexken u saħansitra x-xhieda qalu li għalkemm kienu fuq il-post, ħadd ma ra lil ħadd minnhom jagħmel xi ħaġa. Xhieda mportanti kienet ta’ Matthew Camilleri li fiha stqarr li Ahmad Anter ma tahom ebda inkwiet meta ħarġuh ’il barra. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Leeroy Balzan Engerer.
//= $special ?>