Lokali

Degiorgio jitlob biex jerġa’ joħroġ mill-ħabs

“Il-ħabs mhux lukanda fejn tidħol u toħroġ meta trid”

George Degiorgio, magħruf aħjar bħala ċ-Ċiniż, reġa’ talab biex joħroġ mill-ħabs…din id-darba biex jattendi għal festin ta’ għeluq snin bintu.

Dan żvelatu l-gazzetta Times of Malta ftit tal-ġimgħat biss wara li d-Direttur tal-Ħabs Christopher Siegersma ħallieh jattendi magħmudija tal-familja….u l-festin li segwa wara.

Degiorgio, li flimkien ma ħuh Alfred qed jiskonta sentenza ta’ 40 sena priġunerija wara li ammettew illi qatlu lil Daphne Caruana Galizia fl-2017, talab biex joħroġ mill-ħabs temporanjament biex jattendi festin ieħor.

Il-gazzetta żvelat li hu qed jitlob permess biex joħroġ sagħtejn mill-ħabs fit-22 ta’ Marzu sabiex jattendi għal dan il-festin li se jkun qed isir f’residenza fin-nofsinhar ta’ Malta.

Din l-aħbar saħansitra ġiet imxandra mill-European Centre for Press & Media Freedom kif ukoll mill-International Press Institute fejn insistew li l-awtoritajiet Maltin iridu jiżguraw u jiggarantixxu li Degiorgio ma jitrattax il-ħabs daqslikieku kienet lukanda u joħroġ u jidħol x’ħin irid u jfettillu.

Dan filwaqt li saħqu li din it-talba hija assurda u li tinsulenta l-intelliġenza tal-poplu filwaqt li appellaw lill-awtoritajiet sabiex din id-darba ma jaċċettawx it-talba.