Internazzjonali

Franza: Invażjoni ta’ ġrieden f’Pariġi wara li l-iskart ma nġabarx

Il-poplu ta’ Pariġi jinsab inkwetat dwar l-impatt fuq is-saħħa pubblika minn sitwazzjoni fejn l-iskart mhux qed jinġabar mid-diversi distretti tal-kapitali.

Dan meta l-ħaddiema għall-ġbir tal-iskart jinsabu għaddejjin b’azzjoni industrijali u bir-riżultat li eluf ta’ tunnellati ta’ skart tħallew abbandunati fit-toroq ta’ din il-belt. Is-sitwazzjoni qed taffettwa anki lill-ibliet Franċiżi oħrajn bħal Nantes, Rennes u Le Havre u meta – minbarra l-intiena konsistenti – iz-zoni qed jattiraw anki ‘armata bla rażan’ ta’ ġrieden u wirdien.

Il-ħaddiema mas-settur għall-ġbir tal-iskart qed jistrajkjaw minħabba l-proposti tal-Gvern Franċiż biex iżid l-età għall-irtirar mix-xogħol minn 62 sa 64 sena.

Intant, gruppi ta’ ħaddiema u attivisti qegħdin jagħlqu l-aċċessi għal tliet siti fejn isir it-trattament tal-iskart, bir-raba’ sit jinsab parzjalment magħluq. Dan ukoll meta l-awtoritajiet muniċipali f’Pariġi qalu li hemm madwar  6,000 tunnellata ta’ skart mitluqin fit-toroq u li għad iridu jinġabru.