Lokali

“Għada l-poplu lest sabiex jgħid lil Abela li issa żżejjed kollu żejjed” – Bernard Grech

Il-Ħamis il-Partit Nazzjonalista qed isejjaħ lin-nies għall-protesta nazzjonali quddiem il-Parlament sabiex il-poplu jkun jista’ jwassal il-messaġġ tiegħu b’leħen wieħed; ħalli l-flus li l-Gvern baqa’ jagħti lil Vitals u Steward, jiġu ritornati sal-inqas ċenteżmu.

Waqt li kien intervistat fil-programm NETLIVE, il-Kap tal-PN, Bernard Grech, fakkar kif fi 8 snin – minkejja li l-obbligi ma kienux qiegħdin jintlaħqu – il-Gvern Laburista ta lil Vitals u Steward madwar €400 miljun. U huwa propju għalhekk li l-Oppożizzjoni ressqet mozzjoni biex il-flus jingħataw lura; mozzjoni li se tkun diskussa l-Ħamis stess f’seduta speċjali fil-Parlament, li tibda fl-4:30pm

Dan filwaqt li insista li minkejja l-appell ta’ Steward Health Care, il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ perseveranti u jibqa’ jkun il-vuċi tal-poplu grazzi wkoll għal ħidma tad-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia bil-ħidma tiegħu fil-Qorti.

Bernard Grech insista li Robert Abela ħadem biex Adrian Delia ma jirbaħx il-kawża u li l-Partit Nazzjonalista mhux se jħalli lill-Gvern tal-Labour jinħeba wara l-appell .

Dan filwaqt li b’rabta mal-mozzjoni tal-Ħamis il-Kap tal-Partit Nazzjonalista insista li qed jippretendi li Robert Abela jivvota mal-Oppożizzjoni biex jagħżel lill-Maltin u mhux lill-frodisti.

Fir-rigward tal-kwistjoni tal-inkjesta pubblika indipendenti li l-Partit Nazzjonalista flimkien ma numru ta’ esperti kif ukoll mal-qraba ta’ Jean Paul Sofia qed isejħu – Bernard Grech insista li filwaqt li jirrispetta l-perseveranza ta’ omm li qed issejjaħ għal ġustizzja ma’ binha, huwa staqsa għaliex sal-lum il-Prim Ministru Robert Abela, għal xi raġuni għadu qed iwebbes rasu f’dan ir-rigward.

Bernard Grech insista li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jkun il-vuċi ta’ dawk li fl-aħħar snin sofrew inġustizzji kbar, fosthom ukoll il-familja ta’ Jean Paul Sofia u għaldaqstant ħeġġeġ lill-poplu sabiex għada quddiem il-Parlament iwassal leħnu.