Lokali

Hemm Ministri li qed idaħħlu €600 fix-xahar żejda – magħhom Farrugia qed joħroġ €50 kuljum għall-kirja tal-karozza

€50 kuljum. €1,500 fix-xahar. Madwar €18,000 fis-sena.

Daqshekk qed joħroġ il-Ministru Aaron Farrugia minn flus il-poplu b’rabta mal-kirja tal-karozza ministerjali tiegħu. Dan filwaqt li l-Ministru Miriam Dalli qed toħroġ mit-taxxi tal-poplu mal-€45 għall-istess kirja … jum wara l-ieħor. Filwaqt li l-karozza tas-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said qed tiswa flus il-poplu €43 kuljum.

Dan ifisser li żewġ Ministri biss, biex jagħmlu użu mill-karozzi Ministerjali tagħhom, qed jonfqu l-ammont komplessiv ta’ €34,675 fis-sena. U dawn huma tnejn biss fost il-Ministru u Segretarji Parlamentari li għandu fil-Kabinett il-Prim Ministru Robert Abela.

Din l-informazzjoni ħarġet minn domandi parlamentari li saru mid-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg fejn ġie spjegat li bejn wieħed u ieħor din hija r-rata ta’ kirja għal vetturi elettriċi Ministerjali.

Jidher li l-kirjiet tal-vetturi Ministerjali, inkluż tal-Prim Ministru nnifsu, ivarjaw minn wieħed għall-ieħor tant li filwaqt li Aaron Farrugia jonfoq €100 kull jumejn biex jiġri bil-karozza minn post għall-ieħor….il-Ministru tal-Finanzi ma jonfoqx ċenteżmu; għaliex jagħmel użu mill-karozza personali tiegħu.

Matul is-sensiela ta’ mistoqsijiet li għamlet id-Deputat Nazzjonalista, staqsiet ukoll jekk jagħmlux użu mill-faċilità tat-tieni karozza iżda jidher li ħadd minnhom ma jagħmel użu minnha.

€7,000 bonus fis-sena għax mhux jużaw it-tieni karozza – ekwivalenti għal €600 fix-xahar.

Għaldaqstant skont il-prassi u l-proċeduri Parlamentari…kull Ministru li mhux jagħmel użu mit-tieni karozza qed idaħħal tal-inqas €7,000 fis-sena bħala bonus…ekwivalenti għal €600 fix-xahar kull wieħed.

Dan kollu jfisser li tal-inqas Ministru wieħed qed jiġi jiswa lill-poplu tal-inqas €2,100 fix-xahar…b’€600 minnhom imorru f’butu bħala bonus.

Dan apparti l-paga bażika Ministerjali hekk kif Ministru jdaħħal aktar minn €56,000 fis-sena filwaqt li Segretarju Parlamentari għandu ftit inqas minn €54,000.