Internazzjonali

Iċ-Ċina: Miet it-tabib li kien żvela l-gideb tal-komunisti dwar is-SARS

Tħabbret il-mewt tal-eks kirurgu mal-militar taċ-Ċina li kien żvela l-attentati tal-awtoritajiet komunisti Ċiniżi biex jaħbu l-epidemija tas-SARS tal-2003.

Jiang Yanyong miet f’Beijing fl-età ta’ 91 sena mill-marda ta’ pneumonia u se jibqa’ imsemmi bħala l-persuna li, bl-intervent tiegħu, salva l-ħajja ta’ ħafna nies. Dan wara li hu kien kiteb ittra biex jiżvela li l-uffiċjali Ċiniżi kienu qed jimminimizzaw dolożament it-theddida tas-SARS waqt l-ewwel fażi tal-kriżi.

Yanyong kien anki nżamm taħt arrest fid-dar tiegħu wara li ma żammx lura milli jiżvela dwar il-cover up tas-SARS…Il-virus li fl-2003 kien infetta ‘il fuq minn 8,000 persuna madwar id-dinja u li minnhom mietu 774.

Is-SARS hu l-isem imqassar għal Severe Acute Respiratory Syndrome u t-tabib inkwistjoni kien iddeċieda li jiżvela l-verità dwaru wara li l-Ministeru tas-Saħħa Ċiniż kien informa lill-pubbliku dwar każi negliġibbli tal-marda u meta Yanyong kien jaf b’il fuq minn 100 morda bis-SARS  li kienu qed jinżammu fl-isptarijiet militari.

L-ittra li Yanyong bagħat lix-xandara taċ-Ċina biex jesponi l-gideb dwar is-SARS kienet injorata mill-istess xandara, iżda imbagħad kien hemm leak tal-kontenut lill-media barranija li pubblikat l-ittra sħiħa għall-konsum tal-pubbliku.

Ir-riżultat ta’ dan kien li l-Gvern Ċiniż kien sfurzat jammetti li provda l-informazzjoni qarrieqa – bl-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tieħu passi immedjati biex tevita l-firxa tal-virus.