Tħabbret il-mewt tal-eks Ministru Laburista Edwin Grech fl-età ta’ 94 sena, li fi żmien il-Gvern ta’ Alfred Sant kien serva bħala Ministru Laburista.
Huwa serva bħala Ministru tal-Ħarsien Soċjali bejn l-1996 u l-1998 u kien jikkontesta fuq id-9 u l-10 distrett.
Dan ħabbru l-Kap tal-Partit Nazzjonalista u neputi tal-istess Edwin, Bernard Grech, fejn iddeskrivieh bħala raġel li dejjem emmen f’ideal.
Huwa sostna li kien persuna li ispirah, bniedem li għamel il-ġid iżda li pattewulu bl-aħar deni li seta’ jkun. Dan għaliex lil Edwin Grech qatlulu lil bintu Karin permezz ta’ ittra bomba fl-eqqel tat-turbolenza politika tas-snin sebgħin, bomba li allegatament kienet indirizzata lilu…qtil li l-id warajha sal-lum il-ġurnata għadha mhux magħrufa.

Edwin Grech kien Professur tal-Ostetrija u l-Ġinekoloġija u mill-1977 sal-1987 kien Direttur tad-Dipartiment tal-Ostetrija u l-Ġinekoloġija fi ħdan l-Isptar San Luqa.
Huwa jibqa’ magħruf ukoll għal metodi ġodda ta’ tagħlim kemm kliniku kif ukoll teoretiku u kien strumentali sabiex id-dipartimenti kliniċi kolha jkollhom għarfien mill-universitajiet u kunsilli mediċi barranin.
