Lokali Qorti

Jingħata l-pleġġ raġel akkużat li hedded bil-qtil ta’ żewġ Spetturi permezz ta’ terza persuna

Raġel ta’ 49 sena minn Għajnsielem, Għawdex ingħata l-pleġġ wara li ġie mixli li fil-bidu ta’ dan ix-xahar hedded u inġurja żewġ Spetturi tal-Pulizija permezz ta’ terza persuna billi qalilha li ried joqtolhom. Sandro Mifsud, li ġieli kellu proċeduri fil-Qorti ta’ Għawdex, tressaq fil-Qorti tal-Maġistrati ta’ Malta mixli li fit-3 ta’ Marzu wara nofs inhar tkellem ma ‘social worker’ u qalilha bl-intenzjoni li kellu.

Huwa mifhum li l-Ispetturi saru jafu b’din it-theddida wara għaliex ma kellhom l-ebda kuntatt miegħu u li l-akkużat ma ffaċċaħhomx. Mifsud ġie mixli wkoll li fl-istess data u ħin f’Malta, permezz ta’ xi network jew apparat ta’ kommunikazzjoni elettronika, għamel użu mhux xieraq bih.

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Christian Cauchi xliet wkoll lil Mifsud li sar reċediv u għamlet talba li ġiet milqugħa mill-Qorti sabiex tipprovdi għas-sigurta’ tal-allegati vittmi, jiġifieri l-Ispetturi u s-social worker fejn inħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni.

Mifsud ingħata l-pleġġ fuq depożitu ta’ 150 ewro u garanzija ta’ 3,850 ewro. Ġie ordnat ukoll mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras biex jirraporta fl-Għassa tal-Qawra kull nhar ta’ Tnejn, l-Erbgħa u l-Ġimgħa bejn it-8am u t-8pm u li jirtira d-dar sa mhux aktar tard mit-8.30pm u ma joħroġx qabel is-7am. Għall-akkużat deheru l-Avukati Josè Herrera, Matthew Xuereb u Kristina Camilleri Deguara.