Sport Sport Ieħor

Kampjonat Ewropew tas-Snooker: Brian Cini jgħaddi għal fażi li jmiss

F’ġurnata oħra mballata bil-logħob tal-gruppi, Brian Cini rebaħ mingħajr diffikultà t-tielet logħba tiegħu mingħajr ma tilef l-ebda frame u dan ipoġġih b’ċans kbir li jirbaħ il-grupp tiegħu jekk illum jirbaħ l-aħħar konfront tiegħu kontra Marko Grbovic tas-Serbja.

F’dan it-tieni jum ta’ kompetizzjoni waqt dan il-kampjonat riservat għall-irġiel, Frans Mintoff kellu gurnata tajba ħafna meta rebaħ iż-żewġ logħbiet tiegħu, u bħal numru ta’ plejers oħra ser ikollu konfront dirett għal minn jikkwalifika għal fażi tan-knock out. Illum huwa jilgħab l-aħħar logħba tal-grupp kontra Nikita Kolpačenko tal-Litwanja.

L-uniċi żewġ players Maltin li Ibieraħ temmew l-impenji tagħhom f’din il-fażi kienu Alex Borg u Aaron Busuttil li kienu diġa’ kkwalifikaw. Borg rebaħ il-konfront tiegħu biex kiseb ir-raba’ rebħa u anke’ rebaħ il-grupp tiegħu filwaqt li Busuttil tilef u issa jkollu jistenna l-konfront li jmiss tal-plejer li rebaħlu, l-Ungeriż Zsolt Fenyvesi, għal minn ser jirbaħ il-grupp li jinsabu fih.

Philip Ciantar rebaħ il-logħba tiegħu llbieraħ biex kiseb it-tieni waqt dan il-kampjonat u llum jaqta’ passaġġ għan-knock out jekk jegħleb lil Eldar Karamehmedović tal-Bosnja Herzegovina. Plejer ieħor li jgħaddi jekk jirbaħ huwa Arthur Cachia li lbieraħ tilef biss fil-ħames u l-aħħar frame. Fiż-żewġ partiti preċedenti huwa rebaħ u issa jiltaqa’ kontra Mesrop Kamalyan tal-Armenja.

Interessanti kif svolġa l-grupp li jinsab fih Tony Mifsud li għalkemm il-Malti reġa’ tilef, issa li Dudi Eliau tal-Iżrael irtira mill-logħob għax jinsab ma jiflaħx il-Mifsud jgħaddi għal fażi li jmiss jekk illum jirbaħ lit-Taljan Gianmarco Tonini.

Għal Chris Peplow ilbieraħ kien jum ta’ mistrieħ pero’ llum ser ikun plejer ieħor minn dawk li għandu logħba deċiżiva. Huwa jilgħab kontra Nadav Biton tal-Iżrael u min jirbaħ minnhom isib postu mal-aħħar 72.

Joseph Casha kiseb l-ewwel rebaħ tiegħu f’dan il-kampjonat f’logħba li spiċċat verament tard. Huwa, bħal numru ta’ kompetituri, għalkemm mhux matematikament elimnat pero’ ċ-ċans tiegħu huwa baxx hekk kif barra li jrid bilfors jirbaħ, jiddependi mir-riżultat tal-logħba l-oħra li jonqos fl-istess grupp.

L-istess każ għal Duncan Bezzina li lbieraħ tilef kontra l-aħjar plejer tal-grupp tiegħu, l-Iskoċċiż Ross Muir, li hawn min iqisu bħal sfidant ewlieni dan it-titlu. Muir li għaxar snin ilu kien ikkwalifika bħala professjonali mill-Q School, kien semi finalist ta’ dan il-kamjonat sentejn ilu f’Albufeira, il-Portugall.

Plejers oħra Maltin li tilfu lbieraħ kienu Frans Abdilla, Isaac Borg, Mechior Galea u Manwel Mallia. Dawn l-aħħar tnejn bi tliet telfiet huma definitivament eliminati. Isaac Borg ilbieraħ għalaq l-impenji tiegħu fil-logħob tal-gruppi kontra r-rebbieħ tat-titlu ta’ Taħt it-18-il-sena l-Ungeriż Bulcsú Révész.