Lokali Qorti

Konfermata sospensjoni tal-liċenzja lil Christian Borg fuq kiri ta’ karozzi: L-aġir tiegħu għamel ħsara lil Malta

Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat sentenza fil-konfront ta’ Christian Borg fejn kumpanija li toffri servizz ta’ kiri tal-karozzi kellha l-liċenzja tagħha sospiża mill-Awtorità tat-Trasport u dan wara ħemel lmenti li kienu saru kontrih fil-mod ta’ kif kien jagħti s-servizz lill-konsumatur u li dan l-aġir għamel ħsara lil Malta.

L-Imħallef Lawrence Mintoff ikkonferma deċiżjoni mit-mit-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva li kienet qalet li l-aġir ta’ Christian Borg, persuna qrib ħafna l-Prim Ministru Robert Abela għamel ħsara lil Malta fejn ingħad li l-ġurnal influwenti Ingliż The Sunday Times kien irrapporta li kienu ġew imqarrqa numru ta’ turisti Ingliżi li spiċċaw b’ħofra fil-bwiet tagħhom għax ġew imqarrqa mill-kumpanija internazzjonali operata f’Malta minn Borg.

Mill-provi prodotti rriżulta li Borg kellu liċenzja biex jopera ‘public service garage’ bi flotta ta’ madwar 1,145 vettura. Hu kien ġie nfurmat biex iwaqqaf l-operat tiegħu ta’ kiri ta’ vetturi u dan peress li l-Awtorità tat-Trasport u awtoritajiet oħra, fuq medda ta’ żmien, kienu rċevew ammont konsiderevoli ta’ lmenti minn klijenti li użaw is-servizzi ta’ kiri ta’ vetturi li kien joffri.

Huwa kien ġie nfurmat ukoll li kull liċenzja jew awtorizzazzjoni li kellu ma kinitx se tiġi mġedda u li anqas ma kienu se jiġġeddu l-liċenzji tal-vetturi li kien jikri. Irriżulta wkoll illi l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) kienet irċeviet għadd konsiderevoli ta’ lmenti mingħand persuni, fil-maġġor parti tagħhom barranin, li xtraw is-servizz ta’ ‘car hire’ mingħand Christain Borg u ġibdet l-attenzjoni tiegħu dwar dan.

Jirriżulta wkoll li kienu saru xi laqgħat biex jiġu ndirizzati l-istess ilmenti u kien hemm ammont minnhom li Borg indirizza u l-ilment ingħalaq. Madankollu kien hemm oħrajn li baqgħu pendenti. F’Settembru 2018 l-MCCAA kienet bdiet proċeduri amministrattivi ta’ investigazzjoni fil-konfront ta’ Borg.

Joyce Borg, Direttur Ġenerali tal-Uffiċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur kienet spjegat li lil Borg kienu ġibdulu l-attenzjoni dwar diversi nuqqasijiet li kienu rriskontraw. Spjegat li peress li l-ilmenti kienu fil-maġġor parti minnhom minn barranin, kien qed jingħata isem ħażin lil Malta.

Għaldaqstant it-Tribunal kien qal li ma kien hemm xejn irraġjonevoli jew irregolari fil-mod kif aġixxiet l-Awtorità tat-Trasport. Il-Qorti kkonfermat li ma jirriżultax li l-istess Awtorità ħadet id-deċiżjoni b’mod mgħaġġel, u dan għaliex din għamlet perjodu twil tagħti ċans lil Borg jirrimedja is-sitwazzjonijiet li kienu qed jinħolqu u jitfgħu dell ikraħ fuq ir-reputazzjjoni ta’ pajjiżna.

Jirriżulta wkoll li ma kienet ttieħdet l-ebda azzjoni kontra Christian Borg, qabel Novembru 2018. L-ilmenti kienu bil-gzuz. Ħareġ ukoll li l-Awtorità rinfaċċjata b’dawk l-ilmenti kollha ħalliet din is-sitwazzjoni tippreċipita qabel ħadet azzjoni konkreta.

It-Tribunal kien iddeċieda u deċiżjoni konfermata mill-Qorti tal-Appell huwa tal-fehma illi fejn jidħlu dawn it-tip ta’ deċiżjonijiet huwa tajjeb li wieħed jagħti ċans lil dak li jkun jirrimedja u dan malli jirriżulta li s-sitwazzjoni mhux sejra għall-aħjar, allura għandu jkun hemm azzjoni iktar mgħaġġla u dan biex tiġi evitata ħsara irrimedjabli lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

Ġie nnutat li artikli f’ġurnali influwenti barranin bħal ma hu bħall-artikolu fil-London Sunday Times Business Section, bit-titlu “Vehicle hire “cowboys” Goldcar blew holes in our holiday budgets” liema artikolu jitratta s-servizz ħażin mogħti mid-ditta Goldcar f’numru ta’ pajjiżi, inkluż Malta. L-Imħallef Mintoff ċaħad l-appell u l-argumenti kollha ta’ Borg, ta raġun lit-Tribunal u kkonferma s-sentenza appellata b’mod sħiħ. Dan ijfisser li d-deċiżjoni li Borg jitlef il-liċenzja tiegħu kienet konfermata b’mod finali.