Lokali Parlament

Konsulenti li għinu biex tingħalaq l-Alitalia issa qed jassistu lill-gvern fuq l-Air Malta

Mario de Marco, PN

Id-deputat Nazzjonalista Mario de Marco qal fil-parlament li l-gvern għandu jkun ċar dwar x’inhu l-futur tal-Air Malta għaliex issa jirriżulta li konsulenti li għinu lill-Gvern Taljan biex tingħalaq l-Alitalia issa qed jassistu lill-gvern fuq l-Air Malta.

Id-deputat Nazzjonalista Mario de Marco qal li n-nefqa tal-gvern żdiedet b’aktar minn dak approvat bi kwazi €1 biljun. Hu qal li fl-2021 fl-MTA kellha budget ta’ €95 miljun li qabżitu b’iktar minn €19-il mijun, li jammonta għal 20%. Mario de Marco qal li l-gvern għandu jagħti spjegazzjoni dwar dan l-infieq bla rażan tal-MTA.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-gvern għandu jispjega x-xita ta’ direct orders li tat l-MTA anki fejn hemm konflitti ċari ta’ interess. Il-Ministru tat-Turiżmu qed jiġġustifika CEO li jaqla’ żewġ pagi minn żewġ entitajiet differenti.

Il-Ministrugħandu jispjega wkoll kif l-MTA tagħti sponsors bla spjega u dwar uffiċjali tal-MTA li nqabdu jabbużaw fil-pożizzjoni tagħhom iżda xorta għadhom impjegati.

Dwar l-industrija tal-films hu qal li din kellha budget ta’ €9 miljun iżda tingħata €4.5 miljuni oħra. Hemm stejjer dwar kif il-Kummissarju tal-Films jipprova jieħu l-krettu għal xogħol li ma jwettaqx hu iżda l-Ministru tat-Turiżmu ma jgħid xejn.

Mario de Marco semma’ lil Stewrad u qal li l-gvern kien approva €46 miljun għall-isptar ta’ Għawdex iżda issa l-gvern talab vot addizzjonali ta’ iktar minn €200,000 u nefqa ta’ €23 miljun għal Karin Grech iżda kien hemm nefqa addizzjonali ta’ €200,000.

Id-deputat Nazzjonalista qal li fl-2015 l-Oppożizzjoni qajmet l-indikazzjonijiet ta’ frodi fil-kuntratt tal-isptarijiet iżda l-gvern dak iż-żmien kien insista li l-Oppożizzjoni għandha ġġib il-provi. Issa l-Qorti tat raġun lill-Oppożizzjoni.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li din mhix l-ewwel frodi li għamel il-gvern Laburista u staqsa min qed iwieġeb għan-nuqqas ta’ kontabbiltà. Fejn kien il-Ministru Edward Scicluna f’dan kollu?, staqsa Mario de Marco, li kompla li kien mistenni minn Edward Scicluna li jirriżenja minn Gvernatur tal-Bank Ċentrali.

Id-deputat Nazzjonalista kkritika lill-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana li kull sena kien imur il-parlament jitlob vot ta’ €80 miljun għal dan il-kuntratt frawdalenti.

Hu tkellem dwar l-Air Malta u appella biex il-gvern jispjega x’se jiġri mill-Air Malta għaliex jidher li hemm konsulenti li qed jassistu lill-gvern Malti; l-istess konsulenti li asssistew lill-gvern Taljan meta dan għalaq l-Alitalia u nfetħet linja tal-ajru ġdida. Il-gvern qed iżomm kollox mistur.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-ebda proġett infrastrutturali mhu qed jispċċa fil-ħin fosthom dwar quddiem l-ajruport u tal-Għadira. Hu kompla l l-pajjiż għandu problemi ta’ nuqqas ta’ sigurtà fiż-żoni turistiċi, drenaġġ jispiċċa fl-ibħra u n-nuqqas ta’ pjan ħolistiku għat-turiżmu.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-Gvern għamel patt imxajtan ma’ kumpanija frodista u ħadd mill-gvern mhux kapaċi jqum u jiddikjara li jippretendi aħjar għall-pajjiż. Il-PN hekk jistenna u jippretendi, sostna Mario de Marco.