Lokali Qorti

Minn ħames snin ħabs għal xogħol fil-komunità fuq każ ta’ frodi

Raġel ta’ 41 sena, u missier ta’ tliet itfal, li kien involut fi frodi meta kkommetta scam ta’ assigurazzjoni 10 snin ilu kellu sentenza ta’ ħabs effettiva ta’ ħames snin konvertita għal 240 siegħa ta’ servizz fil-komunità meta l-każ tiegħu nstema’ mill-ġdid wara li l-ewwel kundanna ġiet annullata fuq difett proċedurali.

Aaron Charles Zahra ta’ 41 sena, missier ta’ tliet itfal, kien ġie identifikat bħala wieħed mill-parteċipanti fi ftehim biex kumpaniji tal-assigurazzjoni jiġu froditi b’ammonti sostanzjali ta’ flus. Zahra kien ġie akkużat li ffroda tliet Aġenziji tal-Assigurazzjoni Gasan Mamo, Ċitadel u l-Aġenzija Untours f’aktar minn €5,000 kull wieħed.

Huwa kien ġie akkużat u nstab ħati wkoll b’approprjazzjoni, li għamel dikjarazzjoni falza biex jikseb benefiċċju, li għamel ħsara lill-propjetà tiegħu stess għal skopijiet ta’ frodi ta’ assigurazzjoni u li sar reċidiv. Il-Qorti tal-Maġistrati kienet sabitu ħati f’Diċembru 2020 u kkundannatu ħames snin priġunerija.

Fil-Qorti ħareġ li kollox beda lejn l-aħħar tal-2013 meta l-Pulizija ġiet infurmata dwar talbiet tal-assigurazzjoni li jikkonċernaw inċidenti tat-traffiku li dehru li kienu dubjużi. L-investigazzjonijiet kixfu sensiela ta’ ħabtiet li dehru li saru apposta sabiex il-partijiet involuti jkunu jistgħu sussegwentement jippreżentaw talbiet għall-assigurazzjoni.

Waħda minn dawk involuti rriżulta li kien Zahra li, għalkemm mhux wieħed mill-imħuh ta’ dan kollu, kien ġie mħajjar jidħol fiha u akkwista somom sinifikanti ta’ flus wara li għamel talbiet b’rabta ma’ tliet ħabtiet tat-traffiku. Madwar 32 suspettat marbuta ma’ din l-iskema ġew akkużati.

Fl-2020, Zahra nstab ħati u ġie kkundannat ħames snin ħabs effettivi wara li ammetta għal frodi, li għamel dikjarazzjoni falza, volontarjament għamel ħsara lill-proprjetà tiegħu stess biex jitlob il-flus tal-assigurazzjoni kif ukoll li sar reċidiv. Dik il-kundanna ġiet sussegwentement annullata fl-appell minħabba difett proċedurali u ntbagħtet lura lill-Qorti tal-Maġistrati biex il- kawża tibda mill-ġdid.

Meta tat is-sentenza l-Qorti, issa ppreseduta minn maġistrat differenti, din id-darba l-Maġistrat Leonard Caruana, osservat li r-reati li Zahra wieġeb ħati għalihom kienu serji mhux biss minħabba l-qligħ illeċitu li sar, iżda wkoll għax tkissret ir-relazzjoni bejn l-assiguratur u l-klijent. li kienet ibbażata fuq fiduċja reċiproka.

L-assiguraturi ħallsu danni in bona fede. Reati bħal dawn idgħajfu dik ir-relazzjoni bbażata fuq fiduċja li tant kienet essenzjali għal dan it-tip ta’ kuntratti. Madankollu, il-Qorti ħadet nota wkoll tal-fatt li l-akkużat kien ammetta r-reati u ma kienx il-moħħ wara dan kollu.

Barra minn hekk, huwa kien ħallas lura s-somom li kien ibbenefika illegalment minnhom. Rapport ta’ qabel is-sentenza wera li Zahra issa kien missier ta’ tliet itfal li ħajtu kienet iffukata fuq il-familja u x-xogħol. Kellu relazzjoni stabbli u familja ta’ appoġġ, impjieg fiss u kien diliġenti ħafna.

Ma kellu l-ebda vizzji u l-uniku passatemp tiegħu kien l-imħabba tiegħu għaż-żwiemel u li jieħu ħsieb l-għelieqi tiegħu. L-akkużat ma kellu l-ebda proċeduri kriminali oħra pendenti u l-folja tal-kondotta tiegħu wriet li ma kellu l-ebda każijiet oħra fil-passat fejn fihom kiser il-liġi matul dawn l-aħħar tmien snin.

L-uffiċjal tal-probation li rrapporta lill-Qorti, irrakkomanda li Zahra għandu jkompli f’din it-triq, jiffoka fuq il-familja tiegħu u għal dik ir-raġuni ssuġġerixxa xogħol fil-komunità bħala kastig. Meta kien ikkunsidrat kollox il-Qorti, ħadet dik ir-rakkomandazzjoni li ma kienet oġġezzjonata mill-ebda waħda mill-partijiet.

Filwaqt li ma injoratx il-fatt li l-imputat kien ibbenefika minn somom sostanzjali ta’ flus li huwa kien ħallas lura, kif ukoll il-fatt li kien reċediv, il-Qorti ħadet nota wkoll taċ-ċirkustanzi attwali tal-akkużat kif spjegat fir-rapport ta’ qabel is-sentenza.

B’hekk il-Qorti ordnat lill-akkużat biex jagġmel 240 xogħol siegħa xogħol bla ħlas fi ħdan il-komunità skont arranġamenti li kellhom jiġu mmaniġġjati mid-direttur tas-servizzi tal-probation u l-parole. L-Ispettur Rennie Stivala mexxa l-Prosekuzzjoni filwaqt li l-avukat Roberto Montalto deher għal Zahra.