Lokali

Muscat għandu jitteħdilu l-passaport diplomatiku minnufih – ADPD

Joseph Muscat dieħel Kastilja

“Il-passaport diplomatiku ta’ Joseph Muscat għandu jitteħidlu minnufih.”

Sostna dan iċ-Chairperson ta’ ADPD-The Green Party, Carmel Cacopardo, emfasizza fi stqarrija dalgħodu li l-passaport diplomatiku li ngħata lil Joseph Muscat mill-Prim Ministru Robert Abela bħala parti mill-pakkett meta ħalla l-irwol ta’ Prim Ministru għandu jitteħidlu minnufih.

“Passaport diplomatiku jagħti għadd ta’ drittijiet diplomatiċi u privileġġi li meta wieħed jikkunsidra ċ-ċirkostanzi serji li wasslu għar-riżenja ta’ Joseph Muscat bħala Prim Ministru, jkompli jnissel aktar suspetti dwar dawk l-azzjonijiet tiegħu li għadhom jistennew investigazzjonijiet kriminali fid-dettal.”

L-ADPD saħqet li Muscat huwa suġġett għal numru ta’ allegazzjonijiet li l-investigazzjoni tagħhom għadha pendenti.

“Il-fatt li għandu passport diplomatiku ifisser li jista’ jivvjaġġja madwar id-dinja b’immunità diplomatika. Muscat ivvjaġġa kemm-il darba inkluż dawk iż-żjarat li saru Dubai u f’Baku.”

B’dawn il-ħafna allegazzjonijiet fejn jidħol Joseph Muscat li għadhom mhux riżolti l-ADPD saħqet li mhux għaqli li ngħata passaport diplomatiku.

“Dan għandu jitteħidlu minnufih. Barra minn hekk għandu jingħata rendikont sħiħ pubbliku tal-użu tal-passaport.”

Dan kollu sar magħruf wara li d-Deputat Nazzjonalista Graham Bencini staqsa domanda parlamentari fejn proprju sar magħruf parti ulterjuri mill-pakkett li bih Joseph Muscat telaq minn fuq is-siġġu tal-poter.