Lokali

Omm Jean Paul Sofia tappella lill-MP biex ikunu t’appoġġ fis-sejħa tagħha favur Inkjesta Pubblika

Omm Jean Paul Sofia appellat lill-Membri Parlamentari kollha biex ikunu t’appoġġ fl-appelli tagħha favur li ssir Inkjesta Pubblika.

Ommu, Isabelle Bonnici kienet għamlet laqgħa mal-Prim Ministru Robert Abela, iżda huwa baqa’ jirrifjuta li ssir Inkjesta Pubblika. Bl-omm tisħaq li bħallikieku Abela kellu xi ħaġa li qed iżżommu lura milli jmexxi fuq din il-kwistjoni.

Minn naħa tal-Partit Nazzjonalista kienet ġiet ippreżentata mozzjoni, tappella lill-Gvern biex inedi Inkjesta Pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia llum qabel għada.

Isabelle Bonnici qalet li hemm bżonn biex kull Membru Parlamentari jkun fuq in-naħa tagħha, favur il-ġustizzja u t-trasparenza sabiex pajjiżna ma jerġax jara vittma oħra taħt it-tifrik ta’ sit ta’ kostruzzjoni.

Iż-żagħżugħ ta’ 20 sena kien tilef ħajtu taħt it-tifrik ta’ sit ta’ kostruzzjoni f’Korradino f’Diċembru li għadda.

Minn naħa tiegħu, f’kumment fuq Facebook, il-Kap tal-PN, Bernard Grech qal li fl-ittra li Isabelle kitbet lid-Deputati kollha, huwa għaraf il-karba ta’ qalb maqsuma ta’ omm, fejn kulma qed tagħmel hu li tissielet għall-verità kollha biex binha ma jkunx miet għalxejn.

Bernard Grech wiegħed li hu flimkien mal-membri kollha tal-PN se jibqgħu jissieltu biex ħadd ma jordom il-verità bħal ma radmu lil Jean Paul Sofia.