Lokali Qorti

Priġunier fil-ħabs żvela li Abner beda jiftaħar kif qatel lil Dembska u li ried joqtol lil ommu, ħuh u l-avukat tiegħu

Priġunier fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sema’ lil Abner Aquilina jgħid li ried joqtol lil ommu, lil ħuh u lill-avukat tiegħu u ta’ spiss joqgħod jitfaħar kif wettaq il-qtil fuq Paulina Dembska. Sadanittant hu qal lil priġunier u anke jista’ jkun li semgħuh xi priġunieri oħra li ċarrat il-parti privata tal-vittma permezz ta’ ċavetta. Il-ftaħir jagħmlu ma’ diversi priġunieri, l-aktar iżda ma’ priġunieri ġodda li jkunu għadhom deħlin il-ħabs,

Dan xehedu l-Ispettur Jonathan Ransley meta quddiem il-Maġistrat Mars-Ann Farrugia kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Abner Aquilina ta’ 20 sena miż-Żejtun li jinsab akkużat bl-istupru u bl-omiċidju ta’ Paulina Dembska f’Jannar tas-sena li għaddiet f’Tas-Sliema.

l-Ispettur Jonathan Ransley xehed li f’Jannar li għadda kien ġie avviċinat mill-Pulizija ta’ Birkirkara għax kien avviċinahom priġunier li ried ikellimhom dwar il-każ ta’ Abner Aquilina. Dan qalilhom li kien fiċ-ċella ma’ Aquilina u darba tefagħlu ħmieġ tal-bniedem fiz-zokkor tiegħu.

Qallu wkoll li kien joqgħod jiftaħar kif qatel lil Dembska u li lil Dembska fgaha b’faxxa u rnexxielu jdaħħal ċavetta u ċarrtilha l-parti tagħha u eġakula fuq żaqqha. Dan il-priġunier qal ukoll li Abner beda jgħid li se jsir patteġġjament mal-Pulizija biex jiskonta biss 20 sena ħabs.

L-Ispettur Ransley qal li dan mhuwa minnu xejn u caħad din l-allegazzjoni. Il-priġunier ta aktar informazzjoni lill-Pulizija fejn qal li Abner kien jagħmel atti sesswali ndiċenti u kien jitkellem b’mod dispreġġattiv fuq il-Pollakka”. Waqt din ix-xhieda Abner beda jidħak fl-awla tal-Qorti.

Ransley qal ukoll li l-priġunier qalilhom li Abner qallu li ċarratha biċ-ċavetta ħalli jkun jista’ jdaħħal il-parti tiegħu bid-demm u kien hawn li qal lill-priġunier li kien se joqtol anki lil ommu u lil ħuh u l-avukat tiegħu Mario Mifsud. Qalilhom ukoll li għandu flokk abjad bil-kliem ‘**** l-ispirtu s-santu’.

Ransley qal li dwar dan kollu saret tfittxija fiċ-ċella ta’ Abner u sabu flokk bil-kliem “dik il-**** Pollakka.” Fil-kontro-eżami, fuq domanda tal-Avukat Stefano Filletti li qed jidher bħala parte civile għan nom tal-familjari tal-vittma, l-Ispettur Ransley qal li l-parti tal-Pollakka kienet imċarrta anki skont l-awtopsja.

Qal li dawn id-dettalji taċ-ċavetta ma kinux magħrufa. L-Avukat Mifsud qal minn naħa tiegħu li tressaq rikors biex Abner ma jibqax fit-Taqsima Forensi tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin meta dan suppost qiegħed Monte Carmeli. L-Avukat Mifsud deher ukoll urtat peress li ma kienx jaf li saret tfittxija fiċ-ċella ta’ Abner.

Fil-kontro-eżami, reġa’ ngħad li xi priġunieri qalu li semgħu lil Abner jgħid li se joqtol lil ommu u lill-avukat tiegħu. L-Avukat Mifsud talab biex ir-rikors jiġi trattat b’mod urġenti. Wara xehed Wayne Camilleri mill-Iswakdra tal-Omiċidji. Qal li din is-sena ġew infurmati mill-Għassa ta’ Birkirkara dwar diżgwid fil-Forensic bejn Abner Aquilina u Charlo Cutajar.

Qal li ġew infurmati li Cutajar xtaq ikellimhom dwar dak li kien qed jagħmel Abner fuq qtil ta’ Dembska. L-Ispettur qal li fid-19 ta’ Jannar 2023 marru jkellmuh lil Cutajar fit-Taqsima Forensi stess. Dan qalilhom li qed iħoss li ra u sema’ li ma xtaqtx jibqa’ fuq kuxjenza tiegħu.

Cutajar qalilhom li mhu jistenna xejn lura, imma jrid jiżvela kollox. Qalilhom li Abner jitkellem magħhom dwar il-qtil bl-iktar mod moqżież dwar kif fgaha. Qalilhom li dan jagħmel hekk qisu biex jiftaħar speċjalment meta jidħol priġunier ġdid biex jurih hu min hu.

L-Ispettur Camilleri kompla li Abner Aquilina qal lill-Pulizija li setgħu jbusulu ***** u kixef il-parti tiegħu. Qalilhom “tridux tieħdu ***** bħal evidenza għax dik kienet fil-parti tagħha. Kompla li Abner kien liebes flokk li fuqu hemm Pollakka jkollha x’taqsam miegħu. Staqsihom ukoll jekk riedu l-isperma tiegħu għax fil-każ riedu jġibulu borża.

Abner hawn reġa infaqa’ jidhak fl-awla bil-Prosekuzzjoni titlob lill-Qorti biex issikktu. L-Avukat Mifsud hawn qal “xi tridu jagħmel jekk dak miġnun skont ċertifikati ta’ tliet psikjatri?” Wara sar il-kontro-eżami mill-Avukat Lara Dimitrjevic, ukoll qed tidher għall-vittma fejn staqsietu x’kien hemm miktub fid-djarju.

L-Ispettur Camilleri qal li fid-djarju hemm miktub ‘l-Avventuri ta’ Abner fil-Forensic Ward’ u dettalji dwar l-omiċidju. Fil-kontro-eżami mill-Avukat Stefano Filletti, Camilleri qal li Abner daħħal iċ-ċwievet tal-mutur qabel kellu x’jaqsam mal-vittma. Camilleri qal li waqt l-awtopjsa, il-patoloġisti qalu li fil-parti tagħha ddaħħal xi oġġett bil-ponta u jaqta’.

Camilleri kompla jixhed li mill-istqarrija tal-priġunieri, Abner qallhom li l-ewwel ipprova jifgaha b’faxxa tal-idejn. L-Avukat Mifsud staqsa jekk kienx infurmat li Abner qal li ried joqtol l-avukat tiegħu. Dr Mifsud qal lill-Ispettur Camilleri biex darb’ohra javżawh meta jkun hemm il-ħajja ta’ avukat mhedda.

Hawn l-Avukat Mifsud qal li t-Taqsima Forensika mhijiex sptar. Talab biex Abner Aquilina jerġa’ jintbagħat Monte Carmeli fejn kien fil-bidu meta kien qed jingħata kura u mġibtu kienet aħjar. Mifsud talab ukoll lill-Qorti biex jintbaghat Kordin jew l-Isptar Monte Carmeli imma mhux fit-Taqsima Forensika tal-ħabs. Mifsud qal li l-vera duluri tas-soċjetà huma omm il-vittma u omm Abner. Id-digriet dwar dan ir-rikors se jingħata fid-29 ta’ Marzu li ġej.