Steward Health Care Malta appellaw is-sentenza tal-Qorti li sabet li d-deals bejn Vitals u Steward mal-Gvern kienu frawdolenti u sussegwentament it-tliet sptarijiet ingħataw lura lill-poplu Malti u Għawdxi wara kawża miftuħa mid-Deputat Parlamentari Nazzjonalista Adrian Delia.
Dan filwaqt li Steward Health Care Malta attakkat ir-rule of law f’Malta u għaldaqstant talbet ruling quddiem il-Qrati tal-Ġustizzja Ewropej.
Il-kumpanija ċaħdet għal kollox in-narrattiva tal-Imħallef Francesco Depasquale u saħqet li l-ġudizzju tal-Qorti sar mingħajr ebda bażi ta’ evidenza. Dan filwaqt li ġie spjegat li kieku l-Qorti talbet lill-istess kumpanija biex tippreżenta l-evidenza kienet tippreżentahom.
Dan minkejja li fis-sentenza tal-Qorti jingħad iswed fuq l-abjad li l-Qorti talbet biex jippreżentaw l-evidenza li sar ix-xogħol u li ntlaħqu l-obbligi…bil-kumpanija Steward tippreżenta evidenza ta’ madum li sar fil-latrina tal-uffiċjal tas-sigurtà.
Fl-istqarrija l-kumpanija tkompli tgħid li tali sentenza qed isservi ta’ theddida għal investiment barrani f’pajjiżna – il-kumpanija Steward Health Care saħqet li ma hija fl-ebda pożizzjoni u m’għandha ebda tagħrif tas-segwenza ta’ ġrajjiet kif seħħew fi żmien meta l-Gvern ta l-konċessjoni lill-Vitals Global Healthcare. Dan minkejja li l-Kap Eżekuttiv ta’ Steward Health Care International, Armin Ernst, kien proprju l-Kap Eżekuttiv ta’ VGH – is-suċċessur ta’ Ram Tumuluri u għaldaqstant wieħed isibha ferm diffiċli sabiex jasal għal konklużjoni li Ernst ma kienx f’konoxjenza ta’ dan kollu.
SHCM komplew jisħqu li wara t-trasferiment li seħħ bejn Vitals u Steward (Trasferiment ikkundannat mill-Qorti Maltija għaliex il-Gvern kellu jwaqqfu u jieħu lura l-isptarijiet għaliex VGH ma kienu laħqu ma ebda obbligu impost fuqhom) huma dawru kumpanija finanzjarjament falluta għal kumpanija professjonali.
Huma saħqu wkoll li kienu jaħdmu id f’id mal-Ambaxxata Amerikana u li saħansitra rappreżentanti Amerikani kienu jkunu preżenti waqt in-negozjati tat-termini tal-konċessjoni flimkien mal-Gvern Malti.
Finalment huma saħqu li l-għan ewlieni huwa li s-servizz tagħhom jibqa’ l-benesseri tal-pazjenti tagħhom dan minkejja li waqt intervista li saret ma’ Net News Armin Ernst innifsu kien saħaq li l-ftehim mal-Gvern Malti rigward l-Isptar St. Luke’s qatt ma kien li jagħtu servizz lil pazjenti li għandhom bżonn kura akuta…iżda sempliċiment rijabilitazzjoni.
Intant għada l-Partit Nazzjonalista se jkun qiegħed jorganizza protesta nazzjonali quddiem il-Parlament sabiex il-poplu jkun jista’ jwassal l-messaġġ tiegħu b’leħen wieħed…sabiex il-flus li l-Gvern baqa’ jagħti lil dawn il-kumpaniji jiġu ritornati lura sal-inqas ċenteżmu.
Dan hekk kif fi 8 snin, minkejja li l-obbligi ma kienux qiegħdin jintlaħqu – il-Gvern Laburista ta lil Vitals u Steward madwar €400 miljun.
//= $special ?>