Internazzjonali

Tensjoni dwar l-inżul tad-drone: Kontro-akkużi mill-Istati Uniti u r-Russja

L-inċident tat-Tlieta li kien jinvolvi drone tal-Istati Uniti li spiċċa ‘inoperabbli’ wara konfront mal-ajruplani militari tar-Russja wassal għal eskalazzjoni fit-tensjoni bejn Washington u Moska.

Dan meta l-Gvern Amerikan akkuża lir-Russja dwar ‘aġir perikoluż mingħajr każ tal-konsegwenzi’ wara li d-drone ikkraxxja fil-Baħar l-Iswed ftit wara l-konfront inkwistjoni.

Id-drone – tat-tip MQ-9 Reaper — kien għaddej fl-ispazju tal-ajru internazzjonali u fejn qed jingħad li l-ajruplani Russi – fighter-jets tat-tip Su-27 — kienu disponew minn kwantità ta’ fuel ‘fid-direzzjoni ta’ dan l-inġenju’.

Għalkemm ir-Russja qalet li l-fighter-jets tagħha ma għamlu l-ebda kuntatt mad-drone, l-Amerikani kellhom iniżżlu l-inġenju fil-baħar wara li dan ma setax ikompli bil-missjoni, li x’aktarx kienet waħda ta’ sorveljanza.

Sadanittant, it-tensjoni rrankat bejn iż-żewġ potenzi meta, għalissa, ħadd ma jaf biċ-ċar jekk l-inċident seħħx minn azzjoni tar-Russja intiża biex ittellef il-ħidma tad-drone, inkella jekk l-ajruplani rċevewx direttiva speċifika minn Moska biex iwaqqgħuh.

Il-konfront dam bejn nofs-siegħa u 40 minuta u l-Amerikani qalu li, ftit tal-ħin qabel, l-ajruplani kienu ‘tefgħu l-fuel fuq id-drone’ bl-aktar mod ittraskurat u mhux professjonali u meta l-piloti lanqas ma rispettaw il-kriterji ambjentali fiz-zona.

Min-naħa tiegħu, il-Ġeneral Pat Ryder, kelliem għall-Pentagon ta’ Washington, sostna li d-drone sar inkontrollabbli minħabba dan l-aġir waqt li tenna li l-ajruplani Russi wkoll setgħu ġarrbu xi ħsarat waqt il-konfront mal-inġenju anki jekk irnexxielhom jirritornaw lura lejn il-bażi.

Fl-aħħar sigħat kienu għadhom għaddejjin l-ispekulazzjonijiet dwar l-inċident u l-impatt tiegħu għar-relazzjonijiet tal-Istati Uniti mar-Russja – bil-Gvern Amerikan jibgħat għall-Ambaxxatur Russu, Anatoly Antonov ( li hu bbażat f’Washington) biex iwasslulu protesta formali dwar l-azzjoni.

L-istampa tar-Russja u l-kelliema f’Moska qed iwieġbu li l-inċident bid-drone seħħ b’riżultat ta’ ‘provokazzjoni’ min-naħa tal-Amerikani. Kumment partikulari tal-media Russa tratta ‘l-attività inaċċettabbli tal-militar Amerikan viċin il-fruntiera tar-Russja u li (għar-Russi) hu lok għal inkwiet kbir’.