Futbol Sport

Tony Bezzina, l-eks President maħbub ta’ Hibernians, illum jagħlaq sentejn mejjet

Tony Bezzina

Kif jgħid il-Malti, iż-żmien jgħaddi u ma jistenna lil ħadd, u llum l-eks President tant maħbub ta’ Hibernians, Tony Bezzina għalaq sentejn minn meta ħalla din id-dinja. Dalgħodu, il-paġna ta’ Replay fuq Facebook, fakkret il-memorja ta’ din il-personalitá sportiva li damet kważi 43 sena fit-tmun tat-tmexxija tal-klabb ta’ Hibernians.

Agħfas hawn biex tara l-memorja sabiħa li pproduċa Replay biex ifakkar lil Tony Bezzina.

F’dan is-servizz maħdum apposta għall-midja soċjali, Replay jislet numru ta’ kummenti li kienu saru minn diversi personalitajiet sportivi u saħansitra oħrajn li m’humiex, meta kienet tħabbret il-mewt ta’ Bezzina, nhar it-Tnejn, 15 ta’ Marzu 2021.

Fost dawk li kienu tkelmu dwar l-esperjenza tagħhom ma’ Bezzina, kien hemm il-mibki, iżda qatt minsi, Robert Arrigo li kellu relazzjoni pożittiva ma’ Bezzina, partikolarment fiż-żmien li Arrigo kien serva bħala President ta’ Sliema Wanderers.

Bezzina jibqa’ imfakkar bħala wieħed mill-aqwa Presidenti ta’ klabb fil-futbol Malti. Fost l-oħrajn hu rebaħ xejn inqas minn disa’ Kampjonati Premier u seba’ darbiet l-FA Trophy bħala President tal-iskwadra minn Raħal Ġdid. Fl-2019, Bezzina kien mogħti ‘Ġieħ ir-Repubblika’, għall-kontribut tiegħu fil-futbol lokali.